Matul il-pontifikat tiegħu, bejn l-2005 u l-2013, u anke qabel bħala kardinal, il-Papa Emeritu Benedittu XVI kien magħruf għax-xogħol li għamel biex jindirizza l-każi ta’ abbuż sesswali mill-kleru.

Il-mewt tal-Papa Emeritu ġabet magħha diskussjoni dwar il-legat tiegħu dwar din il-ġerħa fil-Knisja, u wieħed mill-persuni li għandu rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-abbużi fil-Knisja Univerali huwa l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles Scicluna.

F’Ottubru 2002, l-Arċisqof inħatar bħala Promotur tal-Ġustizzja fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi bil-mandat li jinvestiga l-każi l-iżjed gravi li jaslu quddiem il-Kongregazzjoni. Hu serva f’din il-pożizzjoni sal-2012, u mill-2018 qed iservi bħala wieħed mis-segretarji aġġunti fil-Kongregazzjoni, li f’Ġunju 2022 ingħatat l-isem ta’ Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi.

Mons. Scicluna ġie imfaħħar kemm-il darba għax-xogħol siewi li għamel fil-kongregazzjoni, u l-Associated Press kienet iddeskrivietu bħala “l-aktar espert tal-Vatikan rispettat fir-reati sesswali”.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, Mons. Scicluna spjega kif ħadem fil-qrib mal-Kardinal Ratzinger u wara mal-Papa Benedittu XVI.

Il-mandat tal-Papa Benedittu XVI meta kien prefett

L-Arċisqof qal li, bħala prefett tal-kongregazzjoni, il-Kardinal Ratzinger kien strumentali biex jiġu aġġornati l-liġijiet u l-proċeduri li jirrigwardjaw l-aktar reati gravi fil-liġi tal-Knisja, magħrufa bħala delicta graviora.

Dan l-aġġornament kien ippreżentat bħala abbozz ta’ liġi minn San Ġwanni Pawlu II f’April 2001, u promulgat fil-Motu Proprio bl-isem Sacramentorum Sanctitatis Tutela (MP SST).

F’Novembru tal-istess sena, il-kongregazzjoni ingħatat deroga mit-terminu ta’ preskrizzjoni biex b’hekk “tiffaċilità rispons adegwat għall-agħar reati”. Tliet xhur wara, inkisbu fakultajiet oħra bil-għan li jitħaffu l-proċeduri minħabba l-fatt li l-kongregazzjoni kellha tindirizza mijiet ta’ każi differenti, il-maġġoranza tagħhom fl-Istati Uniti.

“Il-Kardinal Ratzinger mexxa r-rispons tal-Kongregazzjoni billi ddjaloga mal-espert kanoniċi fil-kongregazzjoni stess kif ukoll mal-Isqfijiet biex jippromwovi l-formazzjoni,” spjega l-Arċisqof li żied jgħid kif il-mijiet ta’ każi ta’ reati sesswali wasslu biex il-Kardinal Ratzinger fehem aktar x’kien wassal għalihom.

Mons. Scicluna semma wkoll kif l-iktar każijiet gravi, il-Kardinal Ratzinger kien jippreżentahom direttament lill-Papa u jitlob li dawn ma jibqgħux iservu fil-ministeru saċerdotali. Lejn l-aħħar tal-2004, hu kien talab biex il-każi kollha pendenti quddiem il-kongregazzjoni jiġu ezaminati mill-ġdid.

Il-ħidma kompliet anke meta sar Papa

Mistoqsi kif kompliet il-ħidma tal-Kongregazzjoni meta l-Kardinal Ratzinger sar Papa fl-2005, l-Arċisqof spjega li Benedittu XVI kien żgura li x-xogħol tal-Kongregazzjoni jkompli u li din tjibqa’ tingħata l-appoġġ meħtieġ.

“Kull fakultà speċjali li nkisbet taħt San Ġwanni Pawlu II nżammet u l-Papa Benedittu talab biex jiġu inkluża fil-Motu Proprio Sacramentorum Sanctitatis Tutela li ġiet promulgata fl-2010,” qal l-Arċisqof.

Spjega kif ta’ kull ġimgħa, il-Papa Benedittu XVI kien jeżamina l-agħar każi ta’ reati sesswali ppreżentati lilu mill-Kongregazzjoni, biex l-Papa jieħu deċiżjoni dwarhom.

L-Arċisqof stqarr li Papa Benedittu XVI kien l-ewwel Papa li talab biex jiltaqa’ mal-vittmi ta’ reati sesswali waqt il-Vjaġġi Appostoliċi fl-Istati Uniti u l-Awstralja fl-2008. Fl-2010, matul il-Vjaġġ Appostolika tiegħu f’Malta, il-Papa wkoll ltaqa’ ma’ vittmi ta’ abbuż sesswali mill-kleru.

L-Arċisqof Scicluna tkellem ukoll dwar l-Ittra Pastorali lill-Kattoliċi fl-Irlanda u kif f’din l-ittra kien semma r-rabja u t-tradiment meta ġie żvelat il-mod kif l-awtoritajiet tal-Knisja indirizzaw dawn il-każi ta’ reati sesswali. Żied jgħid li l-kliem tal-papa Benedittu XVI jibqgħu punt ta’ riferiment.

Sors: Newsbook.com.mt