Matul din il-ġimgħa sar l-Aġġornament tal-Kleru fuq tlett ijiem (14 – 16 ta’ Ġunju), li għalih attendew madwar 200 membru bejn saċerdoti djoċesani u reliġjużi. It-tema għal din is-sena kienet Is-Saċerdot u l-2021: X’qed jinbet? u ddiskutiet il-bidliet li għaddej minnu pajjiżna, l-impatt li ħalliet il-pandemija fuq l-isferi kollha tas-soċjetà u tal-Knisja kif ukoll kif kompliet tikxef ċerti realtajiet. L-aġġornament tal-Kleru indirizza dan kollu b’atteġġjament ta’ smigħ profond kif jitlob il-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja waħda, Vjaġġ wieħed: 2020-2024.

L-Aġġornament tal-Kleru hu tlitt ijiem ta’ taħriġ u hu parti mill-iżvilupp professjonali kontinwu tal-qassisin. L-attendenza għal dawn is-sessjonijiet kienet fil-biċċa l-kbira online iżda kien hemm tliet ċentri (is-Seminarju, il-Parroċċa tas-Swatar u l-Parroċċa ta’ Santa Luċija) fejn numru ta’ saċerdoti setgħu jipparteċipaw flimkien waqt li jsegwu t-taħditiet online.

Fl-ewwel ġurnata ġiet diskussa t-tema: Is-smigħ tar-realtà. Il-Fakultà tat-Teoloġija tkellmet dwar ir-riżultati tal-aħħar riċerka tagħha dwar Ir-Reliġjon u l-Ispiritwalità fi żmien il-lockdown tal-Covid-19, filwaqt li d-Discern u l-Vigarjat Parroċċi tkellmu dwar il-perspettivi tal-kappillani u l-operaturi pastorali fuq l-effett tal-pandemija. Wara, l-antropologu Ranier Fsadni offra perspettiva dwar l-isfida tan-Nisrani illum: Il-boloh kwalunkwe u l-boloh għal Kristu f’Malta llum.

L-ewwel ġurnata tat-taħriġ intemmet b’diskors mill-Arċisqof Charles Scicluna. L-Arċisqof semma l-attendenza tan-nies għall-quddies li skont stħarriġ li għamlet il-Fakultà tat-Teoloġiija din għadha fl-istess ilma tal-2017, li 70% imorru l-quddies tal-inqas darba fix-xahar. Iżda iktar milli n-numri, tinkwetah li hemm ġenerazzjoni ta’ tfal li mhix tiġi esposta għar-ritmu tas-sagramenti bħalma kienu esposti l-ġenituri tagħhom fil-passat. U jemmen li din is-sitwazzjoni qed twassal għal “kriżi ta’ umanità” iktar milli “kriżi ta’ fidi”. Sostna li din hi sfida ta’ evanġelizzazzjoni kbira li l-Kleru jrid jieħu b’impenn. L-Arċisqof irringrazzja lill-kappillani, reliġjużi, u l-Caritas tal-karità konkreta li taw matul il-pandemija u li se jkomplu jagħtu.

It-tema għat-tieni ġurnata kienet Is-smigħ tal-qassis innifsu. Prof. Mary Anne Lauri mill-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà tkellmet dwar l-impatt tal-pandemija fuq il-ħajja tal-qassis innifsu u tal-komunità. Wara, Rev. Dr Gerard Fieldhouse-Byrne, direttur ta’ St Luke’s Institute f’Manchester, tkellem dwar għodda li qassis jista’ juża biex isaħħaħ l-identità tiegħu: Personal Growth in Priestly Life and Ministry – Developing a Heart that Listens and Acts.

It-tielet ġurnata kienet dwar Is-smigħ tal-kultura kontemporanja minn perspettiva pastorali. L-Isqof Irlandiz Paul Tighe, Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju tal-Kultura indika l-oqsma fil-kultura kontemporanja fejn hemm ftuħ u għatx għall-Evanġelju: Promoting a Culture of Encounter: Sharing our Faith in Dialogue with Contemporary Society?

It-tlitt ijiem ta’ taħriġ ntemmew b’messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Hu ħeġġeġ lis-saċerdoti biex ikunu: “saċerdoti ta’ dixxerniment” u li “s-smigħ jiġi qabel il-kliem”; li jkunu saċerdoti viċin in-nies u li fejn jistgħu jimxu flok jużaw il-karozza ħalli jkunu iktar aċċessibbli għan-nies. L-isqof ħeġġiġhom ukoll li jkunu saċerdoti li jnisslu t-tama u li biex kemm jista’ jkun fl-omeliji, flok jenfasizzaw fuq dak li hu ħażin, jinkoraġġixxu u juru l-apprezzament tagħhom fejn qed isir it-tajjeb.