“L-art tesa lil kulħadd, pero l-familja umana sħiħa għandha tkun kommessa sabiex taqsam ir-riżorsi tagħha”. Dan iddikjarah l-Arċisqof Agostino Marchetto. Is-Segretarju għall-Kunsill Pontifiċju għall-Migranti u dawk li jivjaġġaw afferma dan f’Vicenza, f’laqgħa organizzata minn fondazzjoni djoċesana għall-migranti.

Marchetto rrifletta wkoll dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni fid-dawl tal-enċiklika tal-Papa Caritas in Veritate.

Fl-enċiklika, il-Papa jirreferi għal dawk ir-raġunijiet li jwasslu biex miljuni ta’ nies jemigraw. Fost dawn huwa semma n-nuqqas ta’ ikel, problemi minħabba nuqqas ta’ ilma nadif, problemi fil-qasam agrikolu, ambjentali u dak tal-enerġija. Dan minbarra l-problemi marbuta fil-qasam tax-xogħol.

“Il-Globalizzazzjoni hi kawża oħra tal-migrazzjoni, li tikkontribwixxi biex reġjuni sħaħ jinħarġu minn sotto-żvilupp, li pero fi kliem il-Papa Benedittu 16, tikkontribwixxi wkoll “għal problemi li qatt ma ssemmew u għal firdiet ġodda fil-familja umana”. L-Arċisqof kompla jisħaq, b’referenza għall-enċiklika tal-Papa, li d-dinja tesa’ lil kulħadd.

“Fuq l-art, pero, il-bniedem irid jagħraf isib ir-riżorsi meħtieġa sabiex jgħix f’armonija man-natura li hi rigal minn Alla mogħti lilu biex jindukraha b’ħidma impenjata u kreattiva”, temm jgħid.