Il‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku, illejla, fis‑6pm, ser imexxi mument straordinarju ta’ talb mill‑Belt tal‑Vatikan. Minn Pjazza San Pietru, mingħajr nies preżenti fil pjazza, ser tiġi pproklamata l‑Kelma ta’ Alla, isir mument ta’ adorazzjoni tas‑Sagrament Imqaddes, u wara l‑Papa ser jagħti l‑Barka Urbi et Orbi (lill‑Belt u lid‑Dinja) bil‑possibbiltà li wieħed jirċievi l‑indulġenza plenarja.

F’dan iż‑żmien diffiċli, fejn fid‑dinja għaddejja l‑pandemija tal‑coronavirus, il‑Papa Franġisku qed jistieden lill‑Insara kollha jingħaqdu miegħu fit‑talb permezz tal‑mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Il‑Papa ser iwassal ukoll ir‑riflessjonijiet tiegħu wara li tiġi pproklamata l‑Kelma ta’ Alla.

Fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta u fid‑Djoċesi ta’ Għawdex, fuq talba tal‑Isqfijiet, il‑knejjes kollha ser idoqqu mota, kwarta qabel it‑talb mill-Vatikan, jiġifieri fis‑5:45pm, biex isejħu lill‑Insara jingħaqdu fit‑talb mal‑Papa Franġisku.

Dan il‑mument straordinarju ta’ talb li ser imexxi l‑Papa ser jixxandar fuq TVM2, knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Għaliex il-Barka tal-Papa tal-lejla hi unika?