L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mur uri ruħek lill-qassis” (Mt 8:4). Ġesù jgħid dan il-kliem lil wieħed li kellu l-marda tal-lebbra u li nxteħet quddiemu biex ifejqu. Ġesù jmidd idu, ifejqu, dan jindaf mil-lebbra, u Ġesù jgħidlu: “mur, uri ruħek lill-qassis u agħmel l-offerta li ordnalkom Mose…” Imma jżid ħaġa oħra: “qis li ma tgħid lil ħadd” (Mt 8:4). 

Ħa naraw ftit dal-kliem li qed jgħid Ġesù li dan li kien marid mill-marda tal-lebbra. L-ewwel nett, għaliex jgħidlu “mur, uri ruħek lill-qassis u agħmel l-offerta…biex hekk tagħti xhieda li inti fiqt”? Ir-raġuni hi li l-marda tal-lebbra kienet marda li ma tħallix lil dak li jkun imdawwar min-nies biex jgħinuh ifiq, imma kienet taqtgħu mill-bqija tan-nies. Minħabba li kienet marda li setgħet tittieħed mill-oħrajn, kien hemm struzzjonijiet ċari biex in-nies li jkunu morda bil-lebbra jitbiegħdu mill-oħrajn, ma jħallu lil ħadd jersaq lejhom u huma ma jersqu lejn ħadd. Għalhekk, meta dan fieq u Ġesù jgħidlu biex imur juri ruħu lill-qassis “biex hekk tagħti xhieda li inti fiqt”, ifisser: mur, urihom li int issa mfejjaq, ħalli tidħol fis-soċjetà, terġa’ tintegra ruħek fis-soċjetà, ma tibqax emarġinat, ma tibqax maqtugħ ’il barra. 

Imma mbagħad Ġesù għaliex jgħidlu wkoll “qis li ma tgħid xejn lil ħadd”? Dejjem tolqotni din, għax jgħidha hawn u f’mumenti oħra Ġesù. Imma li ma tgħid xejn lil ħadd! Aħna nafu li kien hemm min ma tax każu. Fil-fatt, San Mark, meta jirrakkonta dil-ġrajja ta’ dan il-lebbruż ma’ Ġesù, iżid sentenza: “iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar” (Mk 1:45). Għaliex jgħidlu “tgħid lil ħadd”? Jekk Ġesù għamel il-ġid miegħu, għax ma għandux jgħid “Ġesù lili fejjaqni, għamel il-ġid miegħi”? Hemm xi ħaġa x’taħbi? Ġesù jgħid hekk għaliex kien jaf li jekk bniedem imur jgħid bil-mod li kienu jgħidu ħafna drabi n-nies, kien jagħti impressjoni u jwassal il-messaġġ li Ġesù jagħmel affarijiet spettakolari, l-għeġubijiet, il-maġija. U n-nies jimxu warajh biex jaraw spettaklu. Fil-fatt, kien hemm diġà nies li mxew warajh għalhekk. Imma Ġesù ma riedx li flok jasal il-messaġġ  ċar tal-Aħbar it-Tajba u x’inhi l-missjoni tiegħu, in-nies jieqfu fuq dak li hu spettakolari. Kien ikollhom x’jirrakkuntaw u jkollhom x’jgħidu lin-nies, imma jkunu tilfu l-aktar messaġġ importanti. Dan narawh anke fi żmienna. Meta n-nies jiġru wara xi ħaġa spettakolari, anke fejn tidħol ir-reliġjon, kultant jitilfu dak li hu essenzjali.  

B’din il-ġrajja, Ġesù ried iwassal il-messaġġ li Alla hu Alla li jimpurtah mill-bniedem, kull wieħed u waħda minna. Fil-fatt, innutaw kif Ġesù, li l-Evanġelju jgħid li folol kbar marru warajh, imma hu, imdawwar b’dawn il-folol, waqaf biex ifejjaq lil dal-bniedem – lil wieħed.  Dal-bniedem kien emarġinat. Irriskja meta ġie u nxteħet quddiemu għax suppost beda jgħajjat mill-bogħod biex Ġesù jitbiegħed minnu, imma minflok inxteħet quddiemu. U Ġesù x’għamel? Mhux biss kellmu imma wkoll messu – xi ħaġa projbita dak iż-żmien, assolutament – imma għamel dan biex iwassallu l-fejqan. Dal-bniedem kien determinat, u kellu fidi kbira – fil-fatt lil Ġesù jgħidlu mhux “jekk tista’, fejjaqni” imma “jekk trid, tista’ tfejjaqni” (Mt 8:2). U Ġesù jfejqu, u jwassallu l-imħabba kbira ta’ Alla li ma jrid lil ħadd emarġinat, maqtugħ għalih, imma jrid li kulħadd ikun parti mis-soċjetà, mill-komunità.

Dan hu messaġġ sabiħ ukoll għalina llum. Ġesù jridna l-ewwel nett li aħna ma noqogħdux nitħassru lilna nfusna, imma mmorru għandu biex nitolbuh jagħtina l-fejqan li għandna bżonn. Ħafna drabi huwa l-fejqan minn ġewwa, l-ewwel u l-iktar importanti: il-paċi tal-qalb. U Ġesù lilna jagħtina dak li għandna bżonn, u jgħinna mbagħad biex inkunu integrati fis-soċjetà, u jgħinna biex inkunu xhieda tiegħu. Fil-fatt, jekk aħna nagħrfuh lil Ġesù bħala s-salvatur tagħna, jiġifieri dak li lilna jagħmilna sħaħ, imbagħad lilna mhux se jgħidilna “tgħidu lil ħadd”, imma lilna jgħidilna: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk16:15).

Nitolbu lill-Mulej llum il-grazzja tiegħu biex aħna ma ninqatgħux għalina u dejjem nersqu lejh. Nitolbuh il-fidi, u jagħtina l-fejqan li għandna bżonn, speċjalment il-paċi fil-qalb tagħna, u jgħinna biex aħna nkunu xhieda tiegħu, xhieda tal-ġid li hu jagħmel magħna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Ritratt: MART PRODUCTION