• Messaġġ tal-Arċisqof waqt il-Festa tar-Redentur

  • L-Isla
    28 ta’ Marzu 2014

     
    Ħuti, llum aħna qegħdin infakkru r-Redentur tal-umanita jiġifieri dak li feda lill-umanita kollha.
    L-ewwel riflessjoni li nixtieq naqsam maghkom illum hija fuq Alla l-Missier, kif Alla l-Missier għex din it-tbatija ta’ Ibnu. It-tieni riflessjoni hija fuq Ġesu li permezz tiegħu aħna ġejna mifdijin. U t-tielet riflessjoni hija fuqna għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-misteru tar-redenzjoni jingħalaq meta kull wieħed u waħda minna jiċħad id-dnub  u jimxi wara l-Mulej Ġesu.

    L-ewwel riflessjoni: meta Alla ħalaq lil bniedem, Alla ħalqu biex ikun għal dejjem miegħu. Meta ħalaq lil bniedem Alla l-Imbierek ħalqu biex ikun għal dejjem miegħu fl-eternita. U allura nistgħu naħsbu aħna kemm kien ta’ diżappunt għal Alla l-Missier meta l-bniedem dineb. U la l-bniedem dineb ma setax ikollu kuntatt dirett ma’ Alla l-Imbierek.

    X’għamel Alla l-Imbierek? Mhux warrabna għaliex aħna midinbin, imma għamel pjan li permezz tiegħu noħorġu mid-dnub u nkunu nistgħu nerġgħu nirbħu l-eternità. Kultant, tkunu fil-kwiet weħidkom, għamluha din ir-riflessjoni. Imma x’jara fina l-Mulej biex jibgħat lil Ibnu ħalli jkun jista’ jsalvana? Imma kemm jiswa kull wieħed u waħda minna quddiem Alla l-Missier? Ma nistax inweġibkom, ħuti, imma dak hu l-misteru. Li nistgħu nagħmlu biss, nistagħġbu quddiemu l-fatt li aħna tant maħbubin minn Alla l-Missier li kien lest li jibgħat lil Ibnu biex jiena u intom inkunu nistgħu nsalvaw.

    It-tieni riflessjoni li xtaqt li nagħmel hija fuq Sidna Ġesu Kristu. Nistgħu ngħidu li Sidna Ġesu Kristu lilna fdiena f’kull għemil li għamel, imma naħseb hemm żewġ għemejjel li importanti niftakru fihom. L-ewwel għemil kien meta hu sar bniedem bħalna. Tafu għaliex, ħuti, hu f’isimna kellu jsir bħalna u wieħed magħna biex imbagħad ipatti għalina. Għalhekk l-Iben t’Alla sar bniedem għaliex l-ebda bniedem ma jista jneħħi d-dnub waħdu. Huwa biss l-iben t’Alla magħmul bniedem li seta’ jneħħi d-dnub. U allura dan l-ewwel għemil ta’ Ġesu Kristu kien li hu sar wieħed bħalna f’kollox, jgħidilna San Pawl, minbarra d-dnub.  Kull ħaġa li aħna nagħmlu, Sidna Ġesu Kristu se jqaddisilna jekk nagħmluha f’ismu. Il-ġranet tagħna importanti li ma naħluhomx, għalhekk importanti li niftakru fi Kristu: grazzi Mulej, aħfirli Mulej f’dak kollu li jiena nagħmel.

    It-tieni għemil ta’ Sidna Ġesu Kristu kien propju fuq il-Golgota għaliex hemmhekk Sidna Ġesu Kristu verament ħassar dak kollu li jista’ jfixkilna u minflok imlieh bil-grazzja. Ftakruh fuq is-salib lil Sidna Ġesu Kristu jgħid lil Alla l-Missier: “Afrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Dik hija l-ewwel ħaġa li qalilna Sidna Ġesu Kristu: jekk Alla l-Missier kien lest li jaħfer lil dawk li kienu qegħdin isalbuh, lill-Iben tiegħu, hu lest li jaħfer kull dnub li nagħmlu aħna. B’hekk Ġesu qered id-dnub għax fih issa d-dnub jista’ jsir grazzja.

    Ftakru fit-tbatijiet ta’ Ġesu, kemm kien qiegħed ibati quddiem Alla l-Imbierek, u din it-tbatija li kienu qegħdin ipoġġu fuqu, ara taħsbu li Ġesu, bħala bniedem, kien kuntent b’dak li kien qed jiġri. Kif jista’ bniedem bħall-Iben t’Alla jkun kuntent quddiem dik il-vjolenza kollha? Ma setax, Ġesu! Dak li għamel, għamlu b’ubbidjenza lejn Alla l-Missier: hemm bżonn li nibqa sejjer, Missier, jiena nibqa’ sejjer, jiena nobdik.

    Ġesu Kristu miet fuq is-salib   Permezz tal-mewt ta’ Kristu, l-mewt tagħna ma baqatx l-istess għax min imut f’għaqda ma’ Kristu dik l-istess mewt issir għalih passaġġ għall-eternità. Passaġġ għall-eternita! Din hija r-redenzjoni tagħna: li aħna issa fi Kristu kapaċi jkollna l-qawwa li aħna nibqgħu mexjin f’din il-mixja li qed nagħmlu, sa ma naslufl-eternità. 

    U t-tielet riflessjoni li xtaqt li nagħmel illum hija riflessjoni li tolqot lilna lkoll. Din l-istorja tal-fidwa bdiet bid-dnub tal-bniedem, għalhekk Alla għamel dawn l-affarijiet kollha, u din l-istorja ta’ Alla trid tintemm meta xi ħadd minna jew aħna lkoll inkunu nistgħu niċħdu d-dnub. Għax hemmhekk qegħdin niggranfaw ma’ Ġesu li hu r-Redentur u nneħħu minna dak kollu li huwa dnub u li jfixkilna.

    Araw, ħuti, jekk nistgħux nagħmluha, anke f’dawn il-ġranet, anke llum, li aħna neħilsu mid-dnub. Ara x’qed ngħidu, mhux jinħafrilna d-dnub u daqshekk, imma li ninħelsu mid-dnub. Jekk jien naf li hemm dnub li qed jinkwetani jien irrid immur quddiem il-Mulej biex jagħtini l-grazzja tiegħu ħalli jinħafer. Ħuti, kemm aħna nagħtu glorja lil Alla l-Imbierek jekk kull wieħed u waħda minna ngħidulu: Ġesu fhimnik, aħna ġejjin warajk, dak kollu li jfixkilna, jista’ jfixkilna għal mument, imma mhux se nħalluh ifixkilna tul ħajjitna kollha jew tul xhur jew tul snin, mhux se nħalluh Mulej, għax aħna rridu nimxu warajk għax nafu li aħna tiegħek u inti tħobbna.

    Għalhekk, ħuti, ejjew issa nkomplu b’din il-quddiesa. Ftakru li minn hawn u ftit ieħor, dak li miet għalina se jkun verament fuq l-artal tagħna taħt l-ispeci Ewkaristiċi. Ejjew, ħuti, nagħmlu l-wegħdiet tagħna quddiem Ġesu li ser ikun preżenti fostna.

    + Pawlu Cremona O.P.

    Arċisqof ta’ Malta