Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li f’dan il‑lejl qaddis tal‑Milied noffrilkom l‑isbaħ xewqat tiegħi. Kemm hi ħaġa sabiħa li nifhmu eżattament x’aħna ngħidu meta nsellmu lil xulxin f’dawn il‑jiem qaddisa: ‘il‑Milied it‑Tajjeb!’ Qed infakkru t‑twelid ta’ tarbija, qed infakkru t‑twelid ta’ Alla li sar bniedem, għalija u għalik.

Meta aħna fid‑djar tagħna, fil‑pjazez tagħna u fil‑knejjes tagħna narmaw il‑presepji, il‑maxtura, aħna nkunu qed nagħmlu att ta’ fidi li dik it‑tarbija fix‑xbieha ħelwa hija Alla mħabba magħmul bniedem. L-Evanġelju jgħidilna li twieled f’maxtura għaliex ma kienx hemm post għalih fil‑lukanda, u ommu wellditu f’għar, fisqietu u qegħditu f’maxtura. Ġużeppi min jaf kemm tħabat biex isib post iktar addattat, imma s‑sinjal tal‑maxtura huwa — għalija u għalik — sinjal ta’ faraġ: il‑Mulej lest jitwieled f’kull ambjent biex ikun qrib tagħna, qrib tiegħi, qrib tiegħek. Illum irridu naħsbu ftit kif nistgħu aħna wkoll nagħmlu hekk lil xulxin għaliex l‑isem li jingħata huwa Alla Salvatur imma wkoll Għimmanu‑El, Alla magħna. Kif nistgħu aħna b’dak li nagħmlu, b’dak li ngħidu, b’dak li naħsbu fil‑Milied, inkunu tassew qrib xulxin?

Port ta’ kenn

Dan il‑ħsieb iwassalni għal sinifikat profond li l‑istudjużi jagħtu lil isem pajjiżna. Jgħidulna li l‑isem ‘Malta’ ġej mill‑Feniċju malat, li tfisser port ta’ kenn, post sigur. Imma dan il‑kenn aħna nsibuh fil‑qalb tagħna għal xulxin? Kemm tkun ħaġa sabiħa li Malta tagħna tgħix il‑vokazzjoni li hemm f’isimha: li tkun post ta’ kenn għal min jgħix fiha u għal min iħabbat fuq il‑bibien ta’ qalbha. Nistgħu aħna f’dan l‑istaġun sabiħ ta’ festi, ta’ ferħ u ta’ għożża ninsew ’il xi ħadd minn fostna?

Nixtieq insellem lin‑nies li forsi ma tantx naħsbu fihom: dawk li qegħdin fil‑Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, dawk li qegħdin fl‑isptarijiet u f’istituzzjonijiet oħra, l‑anzjani tagħna f’tant djar fejn isibu għożża, iva, imma jista’ jkun li f’dawn il‑ġranet iħossuhom ftit weħidhom. Tajjeb niftakru f’dawk li forsi waqgħu f’xi vizzji, f’dawk li qed jippruvaw isibu l‑hena tagħhom f’xi ħaġa li minflok tibnihom, tkissirhom. Dawk huma wkoll parti mill‑familja tagħna u rridu nkunu qrib tagħhom u naħdmu biex bl‑għożża ta’ bejnietna Malta tkun tassew ta’ kenn għal kull min jgħix fuqha.

F’isem it‑tarbija ta’ Betlehem, li ma sabitx post f’dan il‑lejl qaddis fil‑lukanda, lil min iħabbat fuq il‑bieb ta’ xtutna aħna kif nistgħu ngħidulu full up, m’għandniex post? Possibbli m’għandniex post, jew inkella m’hemmx post fil‑qalb tagħna?

L‑għasel fil‑kelma

Kelma oħra li l‑istudjużi jgħidulna li tfakkarna fl‑isem ta’ Malta huwa l‑‘għasel’. Ħafna studjużi jgħidu li l‑isem Malta ġej minn mel, mill‑għasel, mill‑ħlewwa tal‑għasel li kien jiġi prodott bi kwantitajiet kbar — u għadu sal‑lum għall‑grazzja ta’ Alla — fuq il‑gżejjer tagħna ta’ Malta u Għawdex. L‑għasel huwa xogħol il‑bżulija tan‑naħla imma n‑naħla ma tistax tagħmel l‑għasel mingħajr il‑fjuri tal‑kampanja. L‑għasel huwa espressjoni tal‑armonija fil‑ħolqien. Kemm hi ħaġa sabiħa li Malta tkompli tgħix il‑vokazzjoni ta’ dan is‑sinifikat profond tal‑isem tagħha billi tkun ukoll ambjent fejn in‑naħla tkun tista’ tkompli tagħmel l‑għasel tagħha. Dan ifisser li għandna bżonn nieħdu ħsieb l‑ambjent li tant huwa neċessarju biex ikollna l‑għasel bnin li tant jagħmilna kburin.

Imma l‑għasel mhuwiex biss tan‑naħla. Hemm l‑għasel tal‑kelma ħelwa li tinfed fil‑qalb ta’ min jisimgħek u tagħmillu l‑kuraġġ, tagħtih ftit faraġ. Kemm inpoġġu aċtu u velenu kultant fil‑kliem tagħna u fuq is‑social media. Kemm nieħdu pjaċir kultant, ngħid sfortunatament, ngħajru lil xulxin bi kliem iebes! Fejn hu l‑għasel fil‑kliem ta’ fommna?

Malta post ta’ kenn, Malta li tnissel għasel bnin. Nistgħu ngħidu li fir‑rakkont tat‑twelid ta’ Ġesù dawn iż‑żewġ ħsibijiet jingħaqdu għaliex l‑Iskrittura stess tgħid li fit‑twelid tal‑Iben ta’ Alla, bħal għasel ta’ ħlewwa u ta’ ħniena, issawwab fuq id‑dinja, fil‑qalb tagħna l‑bnedmin, bħal dik in‑nida li fuq il‑pjanti u s‑siġar tagħha tgħidilna li għad hemm it‑tama, li għad hemm il‑ħajja. 

Jiena u nawgura lil kull wieħed u waħda minna Milied hieni, nixtieq nirringrazzjja lil kull min jipprova jippromwovi b’kull mod il‑kultura tal‑akkoljenza tagħna, il‑kultura tal‑ħlewwa. Wara kollox, Dun Karm meta ħaseb f’Malta hekk sejħilha: “din l‑art ħelwa, l‑omm li tatna isimha”. Jalla dan il‑Milied ikollna l‑qalb tagħna miftuħa biex nilqgħu lil xulxin u għal xulxin, u li t‑tislima ħelwa tal‑Milied tkun ukoll impenn biex nużaw kliem ħelu u sabiħ għal xulxin.

Mill‑qalb nagħtikom il‑barka pastorali tiegħi u nawguralkom minn issa mhux biss Milied hieni imma wkoll sena ġdida mimlija risq u barka.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta