L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mgħallem, mhux li kien id-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju tiegħek!” Dan hu dak li jfissru l-kliem bil-Latin li l-inizjali tagħhom hu “MUSEUM”, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, u dan hu dak li smajna fl-Evanġelju skont San Mark meta Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15).

Aħna llum qed niċċelebraw il-mitt sena tas-Soċjetà tal-Museum f’Ħal Balzan. Din is-Soċjetà ħadet b’impenn dan il-kliem ta’ Ġesù, u fittxet li twassal l-Evanġelju tiegħu hawnhekk f’din il-lokalità.

Ringrazzjament mill-qalb

Hi okkażjoni, qabel xejn, ta’ ringrazzjament lil Alla. U nirringrazzjaw lil Alla għax, kif smajna fl-ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, meta hu jitkellem fuq min ħadem, jgħid: “Jien ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar” (1 Kor 3:6). Għalhekk nirringrazzjaw lil Alla, għax nafu li jekk saret ħafna ħidma f’din il-mitt sena, qabel xejn hija ħidma ta’ Alla. Lilu nirringrazzjaw għall-ġid kollu li sar.

Nirringrazzjawh għax bl-impenn ta’ ħafna nies twasslet il-kelma tiegħu hawnhekk, speċjalment lit-tfal u liż-żgħażagħ għal tant snin, u żgur ħalliet frott kbir. Ma nafx tul dawn il-mitt sena kienx hemm xi ħadd bl-isem ta’ Apollo; ta’ Pawlu kien hemm żgur, imma kienu x’kienu l-ismijiet, mhux dak importanti imma kif dawn in-nies ħadmu tassew b’dedikazzjoni kbira biex iwasslu l-kelma ta’ Alla u dejjem jippuntaw lejn il-Mulej, għaliex huwa hu li jrid imexxi l-ħidma, huwa hu li jkabbar iż-żerriegħa li aħna nħawlu, huwa hu li minnha joħroġ il-frott. 

Għalhekk nagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni bi gratitudni lejh talli hu, bil-ħidma tiegħu u permezz ta’ tant nies li kkollaboraw miegħu, li wieġbu għas-sejħa tiegħu b’ġenerożita’, setgħet titwassal il-kelma ta’ Alla lit-tfal, liż-żgħażagħ u lil tant nies hawnhekk, u għamlet tant ġid fil-familji.

Kontribut kbir

Nixtieq li meta nirringrazzjaw lil Alla u nuru wkoll il-gratitudni lejn tant nies tul dawn il-mitt sena, għax hemm tant nies speċjalment soċji tal-Museum li ħadmu biex is-Soċjetà setgħet tagħmel il-ġid, nirringrazzaw lill-Mulej tal-ġid ma’ tant individwi, mal-familji, mal-komunità, mal-Knisja u mas-soċjetà Maltija. Nixtieq li nifhmu kemm il-ħidma tas-Soċjetà tal-Museum ħalliet ġid mhux biss għall-persuni imma wkoll għas-soċjetà – kontribut kbir lis-soċjetà Maltija. Ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla. Nuru gratitudni lejn tant nies! Hemm ħafna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem, oħrajn ħadmu hawn u marru f’post ieħor, u oħrajn qed jaħdmu hawnhekk.

Meta aħna nħarsu lura, ma nħarsux lura biex nieqfu fil-passat u ngħidu: kemm kien aħjar mil-lum! L-ewwel nett, jekk kienx aħjar mil-lum il-Mulej jafu. It-tieni, il-Mulej irid li l-wirt li rċevejna mill-passat nibżgħu għalih u ngħadduh b’mod ġdid u skond l-esiġenzi ta’ żmienna. Għalhekk is-Soċjetà tal-Museum ħadmet ħafna tul dawn il-mitt sena biex twieġeb għas-sejħat taż-żmien u anke għall-bidliet li seħħew tul is-snin. U llum qed inħarsu lura b’ringrazzjament, u nħarsu wkoll lejn il-preżent u lejn il-futur.

Okkażjoni ta’ mitt sena hi okkażjoni tajba ħafna biex aħna naħsbu tassew kif nistgħu naqdu l-missjoni li Alla fdalna f’idejna, illum u fis-snin li ġejjin. Żgur li l-ispirazzjoni ta’ San Ġorġ Preca, li tant fi żmienu għaraf kif iwieġeb għall-ħtiġijiet taż-żmien, hi tant ta’ għajnuna għalina biex nistgħu nagħrfu aħjar kif naqdu l-missjoni li nxandru l-Evanġelju llum u fis-snin li ġejjin.

Formazzjoni bażika

Żgur li jekk mitt sena ilu kien hemm bżonn kbir ta’ formazzjoni fil-ħajja Nisranija – u kien hemm kif turina l-Istorja – illum hi wkoll ħtieġa kbira. Illum hi ħtieġa, fiż-żminijiet ġodda li qed ngħixu, li joffru sfidi ġodda, u jagħtuna l-opportunità biex inwasslu l-Aħbar it-Tajba b’mod ġdid u b’mod li tassew jolqot il-ħajja tan-nies.

Din il-formazzjoni hi importanti anke fl-iktar affarijiet bażiċi. Illum anke jekk nieħdu l-kelma “mħabba”. Minn fejn nitgħallmu kif verament inħobbu? Is-Soċjetà tal-Museum għarfet tgħin kuljum lil dawk kollha li jieħdu sehem fil-laqgħat u fil-katekeżi biex jagħrfu tassew l-imħabba li għallimna Ġesù. L-imħabba li wriena Ġesù hi differenti minn dik li kultant tidher f’xi gżira ta’ mħabba – fejn tfittex dak li jogħġbok, timxi mal-gosti tiegħek, tipprova timpressjoni, tipprovoka r-reazzjoni tan-nies, trid l-attenzjoni fuqek kontinwament. Din hi kontra l-imħabba li għallimna Ġesù. Għalhekk hi important l-formazzjoni u hi importnati l-ħidma li ssir fl-iktar affarijiet bażiċi tal-ħajja. Qed nitkellmu dwar affarijiet li tant jagħmlu differenza fil-ħajja tat-tfal tal-adolexxenti u tal-kbar.

Għalhekk trid tkun formazzjoni li tgħinna biex nagħrfu nagħżlu dak li hu tajjeb minn dak li hu ħażin. L-isfida tal-lum, ħafna aktar minn qabel, hi l-isfida tal-midja, tal-midja soċjali. Aħna nafu li hemm bżonn din l-għażla tat-tajjeb mill-ħażin, u nafu li l-formazzjoni li tagħti s-Soċjetà tal-Museum tgħinna tassew biex nistgħu nagħrfu dak li hu tajjeb minn dak li hu ħażin. Kultant illum fuq il-media soċjali tara dak li jgħid San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Filippin: “jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu minnu” (Fil. 3:19) Għalhekk hi importanti l-formazzjoni, u tip ta’ formazzjoni li fil-bażi tagħha jkollha lil Ġesù li hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.

Vokazzjonijiet ġodda

Aħna u nħarsu ’l quddiem, nitolbu ħafna ħalli s-Soċjetà tal-Museum tkompli, fis-snin li ġejjin, taħdem fil-lokalità ta’ Ħal Balzan, u f’Malta kollha u f’tant postijiet oħra. Nitolbu għal vokazzjonijiet ġodda ta’ soċji li jiddedikaw ħajjithom f’ħidma li hi essenzjali għall-Knisja f’Malta u tant tagħmel ġid.

Dak li jista’ jagħmel min jiddedika ruħu għall-formazzjoni hu bażiku, u tant ta’ ġid għalina lkoll. Nitolbu biex is-Soċjetà tal-Museum ikollha dawn il-vokazzjonijiet, nies li jwieġbu b’ġenerożità għas-sejħa tal-Mulej. Biex ikomplu jaħdmu b’impenn, b’imħabba kbira, dejjem ispirati mill-eżempju hekk sabiħ ta’ San Ġorġ Preca, li lilna jurina l-imħabba lejn il-kelma ta’ Alla, jurina l-bżonn ta’ Alla – hemm dik is-sentenza sabiħa tiegħu “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok” – u nagħrfu kif naqdu dil-missjoni b’ħafna mħabba u b’ġid għall-bniedem tal-lum.

Nitolbu għas-Soċjetà tal-Museum biex tkompli tagħti kontribut importanti lill-Knisja f’Malta, lis-soċjetà Maltija, u f’diversi postijiet fid-dinja. Nitolbu li jkollna dejjem f’qalbna l-kliem li ħeġġeġ lil San Ġorġ Preca: “Mgħallem, mhux li kien id-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju tiegħek!”

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju