L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Nisel ħażin huwa dan in-nisel” (Lq 11:29). Dan huwa l-kliem li jgħid Ġesù fl-Evanġelju llum skont San Luqa. Jgħidu għaliex xi nies urew ix-xewqa li jagħtihom sinjal. Hekk jgħid: “irid sinjal!” Fl-Evanġelju skont San Mattew, fil-fatt, hemm din ix-xewqa; jgħidulu: “Xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek” (Mt 12:38). 

Għaliex din ir-reazzjoni iebsa ta’ Ġesù meta jgħid “nisel ħażin huwa dan in-nisel”? X’fiha billi titolbu sinjal? Hi reazzjoni qawwija għaliex dawn huma n-nies li raw sinjali, u raw ħafna! Il-mirakli li kien jagħmel Ġesù kienu sinjali. Fil-fatt San Ġwann jirreferi għalihom bħala “sinjali”. U raw ħafna mirakli! Anke l-kliem li kien jgħid Ġesù kien ċar li mhux ġej minn bniedem kwalukwe. Kien sinjal ukoll. U għalkemm raw dan kollu, baqgħu ma emmnuhx, ma tawx każu, u minflok jitolbu sinjal. Għalhekk Ġesù jsemmi fil-fatt “is-sultana tan-Nofsinhar” (Lq 11:31), li marret biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun, u “n-nies ta’ Ninwè” (Lq 11:32) li nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona. Qed jgħid: dawn raw sinjal u kellu effett fil-ħajja tagħhom, mhux ma tawx każ.

Fil-fatt Ġesù jsemmi hawnhekk “is-sinjal ta’ Ġona” (Lq 11:29). Issa nafu li Ġona kien dak il-profeta li, skont kif naraw fil-ktieb ta’ Ġona, ma riedx imur iħabbar lin-nies ta’ Ninwè x’jiġrilhom jekk ma jagħtux każ ta’ Alla. Ma riedx, għall-bidu ma riedx, imma eventwalment nafu li mar u l-effett kien pożittiv, in-nies nidmu. Imma l-ikbar sinjal ta’ Ġona hu proprju l-istorja ta’ meta spiċċa ġo żaqq il-ħuta kbira għal tlett ijiem u mbagħad besqietu fl-art. U dak kien sinjal, kif jgħid Ġesù f’post ieħor fl-Evanġelju (ara Mt 12:40) – sinjal l-iktar importanti ta’ dak li kellu jsir aktar ’il quddiem, meta lil Ġesù joqtlu, ikun midfun, u jqum wara tlett ijiem. Mela l-ikbar sinjal, qed jgħid Ġesù, hu s-sinjal tiegħu rebbieħ. Hu li għeleb il-mewt, li jqum mill-mewt, hu li jirbaħ il-mewt b’ħajja ġdida. Dak hu l-ikbar sinjal. 

Dan hu li qed jgħid lilna llum: aħna għandna sinjal, u l-ikbar sinjal hu Ġesù Kristu rebbieħ. Huwa l-ikbar sinjal. Aħna għandna dan is-sinjal, u nafu li anke jekk ikun hemm min ma jimpurtahx, min ma jagħtix każ, ma jnaqqas xejn mill-valur ta’ dan l-akbar sinjal li għandna. Huwa dan li jrid imexxina fil-ħajja tagħna. Lilu li għandna nħabbru, lilu li aħna għandna li jagħtina tassew is-sens tal-ħajja tagħna. Għalhekk ma għandniex aħna niġru wara sinjali oħra, jew infittxu sinjali oħra. Għandna lil Ġesù stess li qam mill-mewt. U fl-Ewkaristija proprju dan hu li niċċelebraw: Ġesù Kristu ħaj. Dak hu s-sinjal li għandna.

Nafu kemm hu sinjal importanti għall-ħajja tagħna. Għax aħna fil-ħajja tagħna ngħaddu minn mumenti diffiċli, minn mumenti ta’ tbatija, u kultant inkunu nixteiequ sinjali minn Alla. Issa Alla jagħtina dawn is-sinjali, imma jfakkarna li l-akbar sinjal huwa Ġesù Kristu rxoxt. Għax hemmhekk aħna għandna lil Ġesù li jfisser ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, tal-verità fuq il-gidba, tas-sewwa fuq il-ħażen. Hemm għandna l-akbar sinjal, u tajjeb li speċjalment meta niċċelebraw l-Ewkaristija nerġgħu niftakru f’dan l-akbar sinjali li għandna li għandu jmexxina ’l quddiem fil-ħajja tagħna.

Nitolbu lill-Mulej illum, filwaqt li nirringrazzjawh għal dan l-akbar sinjal li tana. Nitolbuh biex aħna niftħu widnejna, għajnejna, qalbna għalih. Ma nagħmlux bħal dawk li lmenta fuqhom Ġesù li ma tawx każu, imbagħad fittxew xi sinjal ieħor mingħandu. Imma naċċettaw is-sinjali li jagħtina fil-ħajja tagħna, u l-ikbar sinjal: Ġesù Kristu rebbieħ, Ġesù Kristu ħaj, li jimla lil ħajjitna u jmexxina ’l quddiem f’kull jum tal-ħajja tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju