Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fl-aħħar katekeżi, imqanqla għal darb’oħra mill-figura ta’ San Ġużepp, irriflettejna fuq it-tifsira tal-komunjoni tal-qaddisin. U waqt li nibda minn din l-idea, illum nixtieq ninżel fil-fond tad-devozzjoni speċjali li l-poplu Nisrani dejjem kellu għal San Ġużepp bħala Patrun tal-mewt it-tajba. Devozzjoni li twieldet mill-ħsieb li Ġużeppi miet bl-assistenza tal-Verġni Marija u ta’ Ġesù, qabel ma dan ħalla d-dar ta’ Nazaret. Ma għandniex tagħrif storiku, imma billi lil Ġużeppi ma narawhx iżjed fil-ħajja pubblika, naħsbu li miet hemm f’Nazaret, mal-familja. U jakkumpanjawh fil-mument tal-mewt kien hemm Ġesù u Marija.

Il-Papa Benedittu XV, seklu ilu, kiteb li “permezz ta’ Ġużeppi aħna naslu direttament għand Marija, u, permezz ta’ Marija, għand l-għajn ta’ kull qdusija, li hu Ġesù”. Kemm Ġużeppi u kemm Marija jgħinuna mmorru għand Ġesù. U waqt li ħeġġiġna għall-prattiċi qaddisa f’ġieħ San Ġużepp, irrakkomandalna waħda b’mod partikulari, u qalilna hekk: “Billi bir-raġun kollhu hu meqjus bħala l-iżjed protettur qawwi tal-moribondi, għax ħa l-aħħar nifs bl-assistenza ta’ Ġesù u ta’ Marija, inħallu f’idejn ir-Ragħajja mqaddsa biex iħeġġu u jiffavorixxu […] dawk is-sodalitajiet devoti li twaqqfu biex jitolbu lil San Ġużepp jgħin lill-moribondi, bħal dik ‘tal-Mewt it-Tajba’, tat-‘Transtu ta’ San Ġużepp’ u ‘għall-Agonizzanti’” (Motu proprju Bonum sane, 25 ta’ Lulju 1920): dawn kienu l-assoċjazzjonijiet ta’ dak iż-żmien.

Għeżież ħuti, forsi hemm min jaħseb li dan il-lingwaġġ u din it-tema huma biss wirt tal-passat, imma fir-realtà r-relazzjoni tagħna mal-mewt ma tmissx biss il-passat, imma hi dejjem preżenti. Il-Papa Benedittu xi jiem ilu, huwa u jitkellem dwaru nnifsu, qal li “jinsab quddiem il-bieb mudlam tal-mewt”. Tajjeb li nirringrazzjaw lill-Papa Benedittu li ta’ 95 sena għandu moħħu ċar biżżejjed biex jgħidilna dan: “Jiena ninsab quddiem id-dlam tal-mewt, quddiem il-bieb mudlam tal-mewt”. X’parir tajjeb tana! L-hekk imsejħa kultura tal-“benessri” tfittex kif ħa tneħħi r-realtà tal-mewt, imma b’mod drammatiku l-pandemija tal-Coronavirus reġgħet poġġietha għad-dawl. Kienet ħaġa terribbli: il-mewt kienet kull fejn tħares, u tant minn ħutna tilfu persuni għeżież mingħajr ma setgħu jkunu qrib tagħhom, u dan għamel il-mewt iżjed iebsa biex jaċċettawha u jirraġunawha. Qaltli waħda infermiera li kien hemm nanna qed tmut bil-Covid u qaltilha: “Nixtieq insellem lill-għeżież tiegħi, qabel ma mmur”. U l-infermiera, kuraġġjuża, qabdet il-mowbajl u għaddietha magħhom. Il-ħlewwa ta’ dak il-mument ta’ tluq…

Minkejja dan kollu, aħna nfittxu b’kull mod li nbiegħdu minna l-ħsieb tat-tmiem tagħna, u nilludu ruħna li hekk lill-mewt nistgħu nneżżgħuha mis-setgħa tagħha u nkeċċu l-biża’. Imma l-fidi Nisranija mhijiex xi mod kif neżorċizzaw il-biża’ tal-mewt, pjuttost tgħinna naffrontawh. Illum jew għada, ilkoll kemm aħna rridu ngħaddu minn dak il-bieb.

Id-dawl veru li jdawwal il-misteru tal-mewt ġej mill-qawmien ta’ Kristu. Hawn hu d-dawl. U San Pawl jikteb: “Jekk Kristu hu mxandar li qam mill-imwiet, kif jgħidu xi wħud minnkom li ma hemmx qawmien tal-mejtin? Jekk ma hemmx qawmien tal-mejtin, anqas Kristu ma qam mill-imwiet. Imma jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom” (1 Kor 15:12-14). Hemm ċertezza waħda: Kristu qam, Kristu hu l-irxoxt, Kristu hu ħaj fostna. U dan huwa d-dawl li hemm jistenniena wara dak il-bieb mudlam tal-mewt.

Għeżież ħuti, bil-fidi fil-qawmien biss aħna nistgħu naffaċċjaw l-abbiss tal-mewt mingħajr ma nintrebħu mill-biża’. Mhux hekk biss: lill-mewt nistgħu nagħtuha rwol pożittiv. Fil-fatt, meta naħsbu fil-mewt, imdawla mill-misteru ta’ Kristu, din tgħinna nħarsu b’għajnejn ġodda lejn il-ħajja kollha. Jien qatt ma rajt, wara tebut, xi trakk mgħobbi bl-oġġetti ta’ trasferiment! Fil-koreto tal-funeral: qatt ma rajtu. Waħidna mmorru, mingħajr xejn fil-bwiet tal-kefen: xejn. Għax il-kefen m’għandux bwiet. Din is-solitudni tal-mewt: hija vera, qatt ma rajt wara tebut għaddej xi trakk. Ma jagħmilx sens inġemmgħu biss jekk jum wieħed se mmutu. Dak li rridu nġemmgħu hi l-karità, hija l-ħila li naqsmu mal-oħrajn, il-ħila li ma nibqgħux indifferenti quddiem il-ħtiġijiet tal-oħrajn. Jew, x’sens għandu li tillatika ma’ ħuk jew ma’ oħtok, ma’ ħabib, ma’ xi ħadd tal-familja, jew ma’ ħuk jew oħtok fil-fidi, jekk imbagħad jum wieħed se mmutu? X’jiswa li tirrabja, tirrabja mal-oħrajn? Quddiem il-mewt tant kwistjonijiet jieħdu dimensjoni oħra. Huwa tajjeb li mmutu rrikonċiljati, mingħajr ma nżommu f’qalbna għal xi ħadd u mingħajr dispjaċiri għal dak li m’għamilniex! Jiena rrid ngħid verità: ilkoll kemm aħna mexjin lejn dak il-bieb, ilkoll.

Il-Vanġelu jgħidilna li l-mewt tasal bħal ħalliel, hekk jgħid Ġesù: tasal bħal ħalliel, u nagħmlu kemm nagħmlu biex inżommu l-wasla tagħha taħt kontroll, forsi billi nipprogrammaw l-istess mewt tagħna, hi tibqa’ ġrajja li magħha rridu nagħmlu l-kontijiet u li quddiemha rridu nagħmlu wkoll xi għażliet.

Hemm żewġ kunsiderazzjonijiet li għalina l-Insara jibqgħu importanti. L-ewwel: ma nistgħux nevitaw il-mewt, u proprju għalhekk, wara li nkunu għamilna dak kollu li hu umanament possibbli biex nikkuraw il-persuna marida, ikun immorali l-‘akkaniment terapewtiku’ (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2278). Dik il-frażi tal-poplu fidil ta’ Alla, tan-nies sempliċi: “Ħallih ħa jmut bis-sliem”, “għinu jmut fil-paċi”: x’għerf dak! It-tieni kunsiderazzjoni mbagħad hi dwar il-kwalità tal-istess mewt, il-kwalità tat-tbatija. Fil-fatt, għandna għax inkunu grati għall-għajnuna kollha li l-mediċina qed tipprova tagħti, biex permezz tal-hekk imsejħa “kura paljattiva”, kull persuna li tersaq biex tgħix l-aħħar parti tat-triq ta’ ħajjitha, tista’ tagħmlu bl-aktar mod uman possibbli. Imma rridu nkunu attenti li ma nifxlux din l-għajnuna ma’ devjazzjonijiet li wkoll huma inaċċettabbli għax iwasslu għall-qtil. Jeħtieġ insieħbu lejn il-mewt, imma mhux nipprovokaw il-mewt jew ngħinu f’xi għamla jew oħra ta’ suwiċidju. Infakkar li dejjem għandna npoġġu fuq quddiem nett id-dritt għall-kura, u kura għal kulħadd, biex dawk l-iżjed dgħajfa, b’mod partikolari l-anzjani u l-morda, ma jiġu qatt mormija. Il-ħajja hija dritt, mhux il-mewt, li min-naħa l-oħra għandna nilqgħuha, u mhux namministrawha. U dan il-prinċipju etiku hu għal kulħadd, mhux biss għall-Insara jew għal min jemmen. Imma jien hawn nixtieq nagħfas fuq problema soċjali, imma reali. Dak l-“ippjanifikar” – ma nafx jekk iniex nuża l-kelma t-tajba – meta ngħaġġlu l-mewt tal-anzjani. Ħafna drabi naraw f’ċerta klassi soċjali li l-anzjani, għax m’għandhomx il-mezzi, jagħtuhom inqas mediċini minn kemm ikollhom bżonn, u dan hu diżuman: b’dan ma nkunux ngħinuhom, imma nkunu qed nimbuttawhom qabel iż-żmien f’xifer il-mewt. U dan la hu uman u lanqas Nisrani. L-anzjani għandna nieħdu ħsiebhom bħala teżor tal-umanità: huma l-għerf tagħna. Imqar jekk ma jitkellmux, u jekk ma jagħmlux sens b’li jgħidu, xorta waħda huma s-simbolu tal-għerf uman. Huma dawk li mxew it-triq qabilna u ħallewlna tant affarijiet sbieħ, tant tifkiriet, tant għerf. Nitlobkom, tiżolawhomx lill-anzjani, tgħaġġlux il-mewt tal-anzjani. Meta nżegħilu b’anzjan, dan jagħti l-istess tama bħal meta nżegħilu b’tarbija, għax il-bidu tal-ħajja u t-tmiem tagħha huma dejjem misteru, misteru li għandna nirrispettaw, insieħbu, nikkuraw, inħobbu.

Ħa jgħinna San Ġużepp biex ngħixu l-misteru tal-mewt bl-aħjar mod possibbli. Għan-Nisrani l-mewt it-tajba hija esperjenza tal-ħniena ta’ Alla, li toqrob lejna anki f’dak l-aħħar mument tal-ħajja tagħna. Anki fit-talba tas-Sliema, aħna nitolbu lill-Madonna tkun ħdejna “fis-siegħa tal-mewt tagħna”. Proprju għalhekk irrid nagħlaq din il-katekeżi billi flimkien nitolbu lill-Madonna għall-agonizzanti, għal dawk li qed jgħixu dan il-mument ta’ passaġġ minn dan il-bieb mudlam, u għall-familjari li qed jgħixu l-luttu. Nitolbu flimkien:

Sliema…

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard