Bi tħejjija għaż-żjara tal-Papa f’Malta, nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ April, se jsir Pellegrinaġġ Nazzjonali bis-sehem taż-żewġ djoċesi, Malta u Għawdex.  Il-pellegrinaġġ jibda minn ]dejn id-dar tal-Irtir ta’ Mt St Joseph, f’Tarġa Gap fis-6.15pm u jintemm b’ċerimonja qasira fil-pjazza ta’ quddiem is-Santwarju ta’ San Pawl tal-Ħġejjeġ, f’San Pawl il-Baħar. Matul iċ-ċerimonja titqabbad ħuġġieġa simbolika, jinqara r-rakkont tan-Nawfraġju mill-Atti tal-Appostli u jsir it-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija bħala stqarrija tal-fidi li ġabilna l-Appostlu Missierna.  Ikun hemm ukoll messaġġ qasir mill-Arċisqof Pawlu Cremona u mill-Isqof Mario Grech.

Il-kordinatur tal-ħidma pastorali għaż-żjara tal-Papa, is-Sur Joe Farrugia jixtieq iħeġġeġ lin-nies jattendu biex dan il-pellegrinaġġ ikun stqarrija ta’ fidi tal-poplu Malti, li 1950 sena ilu laqa’ l-Bxara t-Tajba bil-miġja ta’ San Pawl.

PROGRAMM

6.15pm – Tluq tal-pellegrinaġġ minn Tarġa Gap, il-Mosta (ħdejn id-Dar tal-Irtiri Mt St Joseph).

7.30pm – Wasla tal-pellegrinaġġ fil-pjazza ta’ quddiem is-Santwarju ta’ San Pawl tal-Ħġejjeġ, f’San Pawl il-Baħar.

  • Kant tal-Innu taċ-Ċentinarju Pawlin mill-Kor Sine Macula.
  • Titqabbad ħuġġieġa simbolika mis-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, il-Perit Graziella Galea.
  • Jinqara r-rakkont tan-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta mill-Atti tal-Appostli.
  • Diskors mill-Isqof ta’ Għawdex, l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Mario Grech.
  • Kant tal-Antifona ta’ San Pawl mill-Kor Sine Macula.
  • Tiġdid tal-Wegħdiet tal-Magħmudija minn dawk kollha preżenti bħala stqarrija tal-fidi li wasslilna San Pawl.
  • Isir it-tberik tal-folla miġbura bit-traxxix tal-Ilma Mbierek.
  • Diskors mill-Arċisqof Pawlu Cremona OP.
  • Talba lil San Pawl. Din it-talba nkitbet bi tħejjija għaż-żjara tal-Papa f’Malta.
  • Barka Pastorali tal-ġemgħa mill-Isqfijiet.
  • Kant tal-Innu Malti.

Iċ-ċerimonja tintemm għall-ħabta tat-8.30pm.

Għal aktar informazzjoni dwar iż-żjara tal-Papa żur is-sit: www.popemalta.org