Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Il-predikazzjoni ta’ San Pawl hi kollha ċċentrata fuq Ġesù u fuq il-misteru tal-Għid tiegħu. Fil-fatt l-Appostlu jippreżenta ruħu bħala xandar ta’ Kristu, u ta’ Kristu msallab (ara 1 Kor 2:2). Lill-Galatin, ittentati li jibnu r-reliġjożità tagħhom fuq l-osservanza ta’ preċetti u tradizzjonijiet, hu jfakkarhom x’inhu ċ-ċentru tas-salvazzjoni u tal-fidi: il-mewt u l-qawmien tal-Mulej. Dan jagħmlu billi jqegħdilhom quddiemhom ir-realiżmu tas-salib ta’ Ġesù. Jiktbilhom hekk: “Min saħħarkom bi kliemu? Intom li Ġesù Kristu tpinġa msallab quddiem għajnejkom!” (Gal 3:1). Min saħħarkom biex tbegħidtu minn Kristu Msallab? Hu mument ikrah dan għall-Galatin…
Illum ukoll, ħafna qed ifittxu ċ-ċertezzi reliġjużi tagħhom qabel ma jfittxu lil Alla ħaj u veru, u jikkonċentraw fuq ritwali u preċetti pjuttost milli fuq kif se jħaddnu b’dak kollu li huma lil Alla tal-imħabba. U din hi t-tentazzjoni tal-fundamentalisti ġodda, ta’ dawk li donnu t-triq li għandna nimxu tbeżżagħhom, u flok jimxu ’l quddiem jerġgħu lura għax iħossuhom iżjed fiż-żgur: ifittxu ċ-ċertezza ta’ Alla u mhux lil Alla taċ-ċertezza. Għalhekk Pawlu jitlob lill-Galatin jerġgħu lura għall-essenzjal, għal Alla li jagħtina l-ħajja fi Kristu msallab. U hu stess jagħti xhieda ta’ dan: “Issallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:19-20). U lejn tmiem l-Ittra, jistqarr: “Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu” (6:14).
Jekk aħna nitilfu l-fil tal-ħajja spiritwali, jekk inħossu jaħbtu fuqna elf problema u ħsieb, ejjew nieħdu l-parir ta’ Pawlu: noqogħdu quddiem Kristu Msallab, nerġgħu nibdew minnu. Naqbdu l-Kurċifiss f’idejna, irrossuh ma’ qalbna. Jew nieqfu ftit fl-adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija, fejn Ġesù huwa Ħobż maqsum għalina, l-Imsallab Irxoxt, qawwa ta’ Alla li jsawwab imħabbtu fi qlubna.
U issa, immexxija dejjem minn San Pawl, ejjew nagħmlu pass ieħor. Nistaqsu lilna nfusna: x’jiġri meta niltaqgħu fit-talb ma’ Ġesù Msallab? Jiġri dak li seħħ taħt is-salib: Ġesù jrodd l-Ispirtu tiegħu (ara Ġw 19:30), jiġifieri jagħtina ħajtu stess. U l-Ispirtu, ħiereġ mill-Qawmien ta’ Ġesù, huwa l-bidu tal-ħajja spiritwali. Huwa hu li jibdel il-qalb: mhux l-opri tagħna. Huwa hu li jibdel il-qalb, mhux dak li nagħmlu aħna, imma l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu fina li tibdel il-qalb! Huwa hu li jmexxi lill-Knisja, u aħna msejħin nobdu l-azzjoni tiegħu, li tinfirex fejn u kif irid hu. Mill-bqija, kien proprju l-fatt li l-Ispirtu s-Santu niżel fuq kulħadd u li l-grazzja tiegħu ħadmet mingħajr ebda esklużjoni li pperswada mqar lill-inqas konvinti minn fost l-Appostli li l-Vanġelu ta’ Ġesù kien iddestinat għal kulħadd u mhux għall-ftit ipprivileġġjati. U dawk li jfittxu ċ-ċertezza, il-grupp iż-żgħir, l-affarijiet ċari, bħal dakinhar, ikunu qed jitbiegħdu mill-Ispirtu, ma jħallux il-ħelsien tal-Ispirtu jidħol fihom. Hekk, il-ħajja tal-komunità terġa’ titwieled mill-ġdid fl-Ispirtu s-Santu; u hu dejjem grazzi għalih li nseddqu l-ħajja Nisranija tagħna u nkomplu bit-taqbida spiritwali tagħna.
It-taqbida spiritwali hija sewwasew tagħlim ieħor kbir tal-Ittra lill-Galatin. L-Appostlu jippreżenta żewġ frontijiet kontra xulxin: minn naħa l-“għemejjel tal-ġisem”, mill-oħra l-“frott tal-Ispirtu”. X’inhuma l-għemejjel tal-ġisem? Huma l-imġibiet li huma kontra l-Ispirtu ta’ Alla. L-Appostlu jsejħilhom għemejjel tal-ġisem mhux għax fil-ġisem tagħna ta’ bnedmin hemm xi ħaġa żbaljata jew ħażina; anzi, rajna kif hu jisħaq fuq ir-realiżmu tal-ġisem uman li Kristu ġarr sa fuq is-salib! Ġisem hi kelma li turi min hu l-bniedem fid-dimensjoni tiegħu fuq din l-art biss, magħluq fih innifsu, f’ħajja orizzontali, fejn isegwu mbagħad l-istinti mondani u jingħalaq il-bieb għall-Ispirtu, li jerfagħna u jiftaħna għal Alla u għall-oħrajn. Imma l-ġisem ifakkarna wkoll li dan kollu jeqdiem, li dan kollu jgħaddi, jitmermer, waqt li l-Ispirtu jagħti l-ħajja. Pawlu allura jsemmi l-għemejjel tal-ġisem, li jirriferu għall-użu egoista tas-sesswalità, għall-prattiċi maġiċi li huma idolatrija u għal dak li jhedded ir-relazzjonijiet interpersonali, bħalma huma “ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja…” (ara Gal 5:19-21). Dan kollu huwa l-frott – biex ngħidu hekk – tal-ġisem, ta’ mġiba li hi biss umana, b’mod li jmarrad. Għax l-uman għandu l-valuri tiegħu, imma dan kollu “jmarrad” lill-bniedem.
Min-naħa l-oħra, il-frott tal-Ispirtu hu “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:22): hekk jgħid San Pawl. L-Insara, li fil-Magħmudija “libsu lil Kristu” (ara Gal 3:27), huma msejħin jgħixu hekk. Jista’ jkun taħriġ tajjeb, ngħidu aħna, li wieħed jaqra l-lista ta’ San Pawl u jħares lejn l-imġiba tiegħu, biex jara jekk taqbilx, jekk ħajjitna hix tassew skont l-Ispirtu s-Santu, jekk hix tagħmel dan il-frott. Il-ħajja tiegħi qed tipproduċi dan il-frott ta’ mħabba, hena, sliem, ġenerożità, tjieba, fedeltà, ħlewwa, rażan? Ngħidu aħna, l-ewwel tlieta li jsemmi huma l-imħabba, is-sliem u l-hena: minn hawn wieħed jagħraf persuna għandhiex fiha l-Ispirtu s-Santu. Persuna li hi fis-sliem, li hi hienja u li tħobb: minn dawn it-tliet karatteristiċi nagħrfu l-għemil tal-Ispirtu.
Dan it-tagħlim tal-Appostlu jpoġġi quddiem il-komunitajiet tagħna sfida sabiħa. Xi drabi, min jersaq lejn il-Knisja jieħu l-impressjoni li qiegħed quddiem massa kbira ta’ kmandamenti u preċetti: imma le, din mhix il-Knisja! Dik tista’ tkun kwalunkwe assoċjazzjoni. Imma, fir-realtà, ma nistgħux nifhmu l-ġmiel tal-fidi f’Ġesù Kristu jekk nitilqu minn wisq kmandamenti u minn viżjoni morali li tiżviluppa f’ħafna biċċiet u tista’ tnessina l-frott oriġinali tal-imħabba, imwieżen mit-talb li jagħti s-sliem u minn xhieda hienja. Bl-istess mod, il-ħajja tal-Ispirtu li tesprimi ruħha fis-Sagramenti ma tistax tiġi fgata minn burokrazija li żżommna milli niksbu l-grazzja tal-Ispirtu, awtur tal-konverżjoni tal-qalb. U kemm drabi aħna stess, qassisin jew isqfijiet, noħolqu wisq burokrazija biex nagħtu Sagrament, biex nilqgħu lin-nies, hekk li mbagħad insibu min jgħid: “Le, din ma togħġobnix”, u jitlaq ’l hemm, u ħafna drabi jibqa’ ma jarax fina l-qawwa tal-Ispirtu li jagħti ħajja ġdida, li jġeddidna. Allura għandna r-responsabbiltà kbira li nħabbru lil Kristu msallab u rxoxt, imseddqa min-nifs tal-Ispirtu tal-imħabba. Għax hi biss din l-Imħabba li għandha l-qawwa li tiġbed u tibdel il-qalb tal-bniedem.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard