L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi waqt id-diskors tiegħu

Ġie inawgurat ix-xogħol ta’ restawr fuq 14-il pittura fil-Bażilika Minuri ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta, b’investiment ta’ €82,000 b’kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Fost il-pitturi restawrati hemm erbgħa li jmorru lura għas-seklu 17 kif ukoll seba’ pitturi ta’ Giuseppe Calì u erbgħa ta’ Stefano Erardi.

Il-proġett ġie inawgurat il-Ħadd 8 ta’ Diċembru mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, mill-Ministru għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Edward Zammit Lewis u mis-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia.

Fl-inawgurazzjoni ta’ proġett ieħor ta’ restawr mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, l-Isqof Joseph Galea-Curmi tkellem dwar l-importanza mhux biss tal-ħarsien tal-patrimonju li għandna f’pajjiżna imma wkoll tal-ħtieġa urġenti li nirrestawraw il-valuri li jsawruna. “Dawn il-pitturi huma espressjoni sabiħa tal-valuri Nsara u umani. Juruna kemm hu importanti li llum naħdmu mhux biss għar-restawr ta’ dak li hu patrimonju artistiku, imma wkoll għar-restawr ta’ valuri fis-soċjetà Maltija. Mingħajr dawn il-valuri jirbaħ il-ħażin u dak kollu li hu ta’ ħsara. Għalhekk ir-restawr tal-pitturi jorbot intrinsikament mar-restawr tal-valuri,” qal l-Isqof Awżiljarju.

L-Assunzjoni ta’ Giuseppe Calì, waħda mill-14-il pittura restawrata

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, irringrazzja lir-restawraturi ReCoop tax-xogħol li għamlu u spjega li ħafna mill-pitturi kellhom bżonn intervent estensiv ta’ restawr għax kienu fi stat ħażin ħafna.

Dan huwa t-tielet proġett mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta li sar b’kofinanzjament ta’ 80% mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, wara l-inawgurazzjoni tal-Kappella tal-Bidnija u l-pittura tal-apside fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina. Aktar proġetti ta’ konservazzjoni u restawr f’għadd ta’ parroċċi oħra ser jiġu inawgurati s-sena d-dieħla.

Il-mewt ta’ Santu Wistin ta’ Giuseppe Calì, waħda mill-14-il pittura restawrata

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti