Is-saċerdot u l-lajk: il-kollaborazzjoni u l-korresponsabbilta’ kien is-suġġett  magħżul għal seminar organizzat mis-Segretarjat tal-Lajċi,  li sar il-Ħamis, 3 u l-Ġimgħa, 4 ta’ Ġunju, 2010 f’Gattard House, Blata l-Bajda.

Wara t-talb tal-bidu mmexxi mill-Youth Fellowship,  is-Seminar beda b’introduzzjoni qasira  mis-Sur Joe Farrugia, id-Delegat tal-Arċisqof għal-lajċi.  Fid-diskussjoni li saret wara, ħadu sehem Dr. Stephen Zammit, Ms Vincienne  Debono, l-Imħallef  J. R. Micallef  u Fr. Ray Toledo, id-Delegat tal-Arċisqof għall-parroċċi. Minn dak li ntqal ħarġet stampa  tal-lajkat  f’Malta,  l-identita’  u r-rwol tiegħu fil-Knisja u fis-soċjeta’ u l-importanza tal-kollaborazzjoni u tal-korresponsabbilta’. Dan il-panel tmexxa minn Dr. Andre’ Camilleri.

Spiżjar u manager ta’ bookshop taw l-esperjenza tagħhom ta’ lajċi nsara fid-dinja tax-xogħol. Id-diskors li għamel Fr. Rene’ Camilleri bħala reazzjoni għal dak li kien intqal qabel, tafa dawl ġdid fuq kif wieħed għandu jħares lejn il-kollaborazzjoni u l-korresponsabbilta’ fi Knisja li  teżisti għad-dinja. L-Arċisqof Mons. P Cremona għalaq l-ewwel jum tas-Seminar b’talba u  ta l-barka tiegħu.

Wara introduzzjoni minn Ms. Ninette Borg Grech, presidenta tal-Forum, il-focus tat-tieni jum kien id-diskors  li għamel is-Sur Joe Farrugia dwar is-suġġett magħżul għal dan is-seminar. Min dak li qal fid-diskors  tiegħu, ħareġ b’mod ċar kemm hu importanti li  kemm is-saċerdot kif ukoll il-lajk jagħrfu r-rwol definit tagħhom, filwaqt li jaħdmu flimkien  fi spirtu ta’ komunjoni  biex ikunu xhieda ta’ dak li talab għalih Ġesu’ meta qal: “ħa jkunu lkoll ħaġa waħda biex id-dinja temmen li inti bgħattni”.

Fil-ħin iddedikat għad-djalogu mal-assemblea, diversi involuti f’ħidma pastorali, fil-parroċċi u fl-għaqdiet  taw l-interventi tagħhom.

L-Arċisqof PawlU Cremona  għamel id-diskors tal-għeluq b’riflessjonijiet li komplew idawlu diversi punti li ħarġu matul il-jumejn tas-seminar. Minn dak li qal l-Arċisqof toħroġ l-importanza tal-kollaborazzjoni u tal-korresponsabbilta’ fil-Knisja li trid tkun ir-ruħ tal-mixja tal-istorja u trid toħloq spazju  fejn wieħed jisma’ u  jikkollabora mal-Kelma  biex b’hekk tikber is-Saltna t’Alla fid-dinja.

The photos of the Archbishop’s events may be purchased from PHOTOCITY, Valletta. Tel: 21236723. Email: [email protected]