L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Naqraw fl-Evanġelju li “lkoll baqgħu mistagħġba” (Lq 5:26). Smajtu dil-ġrajja tal-lum, u kien hemm ħafna biex tistagħġeb! Immaġinaw, aħna qegħdin hawn illum u jinfetaħ dan is-saqaf u jniżżlu lil xi ħadd minn hemmhekk u jiġi quddiemna hawn fuq mitraħ, xi ħadd li kellu bżonn min ifejqu. Ġesù hekk ġralu. Meta kien qed jitkellem man-nies u qed jgħallimhom, f’daqqa waħda fetħu biċċa mis-saqaf biex iniżżlu wieħed ħalli jfejqu.

Nixtieq li nħarsu ftit lejn dawk in-nies li refgħu lil dak il-mifluġ. Nafu li dan ma setax jimxi, ma setax imur quddiem Ġesù biex ifejqu. Għalhekk kellu bżonn lil dawn in-nies biex jerfgħuh. Għamluh f’mitrah bil-ħsieb li jeħduh quddiem Ġesù. Imma ma setgħux jgħaddu minħabba l-folla, u għalhekk fetħu biċċa mis-saqaf biex iniżżluh.

X’naraw f’dawn in-nies? L-ewwel nett, il-qalb kbira tagħhom. Kienu lesti li jgħinu lil dan il-bniedem li kien fil-bżonn. Waħdu ma setax imur, imma bl-għajnuna tagħhom, setgħu jeħduh fejn Ġesù. Barra minn hekk, kellhom rieda soda, determinati: irridu naslu fejn Ġesù, u jekk ma naslux mill-bieb, jew mit-tieqa, naslu mis-saqaf. U kienu jħaddmu moħhom – kreattivi ngħidu llum – għax biex taħsibha dil-ħaġa, trid tkun kreattiv. Imma kellhom ukoll fidi kbira – L-
Evanġelju jgħid li Ġesù “ra l-fidi tagħhom” (Lq 5:20). Araw kemm kwalitajiet sbieħ: kienu ta’ qalb kbira u ġeneruża, determinati, kreattivi imma wkoll ta’ fidi kbira. Emmnu li jekk imorru quddiem Ġesù, hu jfejqu.

X’naraw f’Ġesù? Ġesù hu dejjem dak li jrid il-ġid sħiħ tal-bniedem, u jrid jagħtih l-għajnuna kollha li jeħtieġ. Meta dan ġie quddiemu, l-ewwel ħaġa li qallu kienet: “Dnubietek maħfura” (Lq 5:20). Għaliex? Għax l-ewwel bżonn hu dejjem li qalbna tkun fil-paċi ma’ Alla. Imbagħad fejqu, u dak ir-raġel bil-ferħ telaq lura d-dar “ifaħħar lil Alla” (Lq 5:25).

Nafu li kien hemm xi nies m’għoġbithomx din, għax meta Ġesù qal “dnubietek maħfura”, bdew jgħidu: “min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?” (Lq 5:21) Veru li qalu! Imma li ma rrealizzawx kien li Ġesù hu Alla. Għalhekk ħafer id-dnubiet l-ewwel, imbagħad fejjaq lil dan il-mifluġ.

Illum nixtieq li nagħmlu kif smajna fl-aħħar tal-Evanġelju, fejn kulħadd ifaħħar lil Alla. Il-mifluġ mar lura d-dar bil-mitraħ f’idu, miexi lejn id-dar ifaħħar lil Alla. U n-nies li raw dan il-miraklu “ifaħħru lil Alla (Lq 5:26). U aħna llum flimkien infaħħru lil Alla, għaliex hu dejjem jagħmel ħwejjeġ li huma ta’ ġid għalina lkoll. Dejjem irid l-akbar ġid tagħna, u għalhekk infaħħruh flimkien f’din il-quddiesa. Kemm hi sabiħa li intom miġburin minn skejjel differenti, tirrappreżentaw lit-tfal fl-iskejjel kollha ta’ Malta! F’isem it-tfal infaħħru lil Alla, u nitolbuh biex aħna dejjem inkunu qrib tiegħu u jkollna qalbna miftuħa għalih.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti