Sors: Newsbook

Minn Praga, fejn bħalissa qed tiltaqa’ l-Assemblea Kontinentali tas-Sinodu, ilbieraħ filgħaxija l-Knejjes fl-Ewropa esprimew il-qrubija tagħhom lejn il-popli tan-nofsinhar tat-Turkija u t-tramuntana tas-Sirja li ntlaqtu minn terremot qawwi fis-6 ta’ Frar.

L-istqarrija tinnota b’sogħba li “ċ-ċifra tal-vittmi mejta għadha tielgħa”, u tesprimi kif it-tbatija kbira tal-popli affettwati messet il-qalb tal-membri kollha tal-Assemblea. “Hi ġerħa kbira”, li fis-Sirja qed tkompli żżid mal-gwerra li ilha tifni t-territorju għal 12-il sena”.

Il-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE) esprimew il-qrubija tagħhom lejn il-komunità tal-Vigarjat ta’ Iskenderun, li rat il-katidral tagħha jiġġarraf, b’xorti tajba mingħajr ma kellhom iħallsu l-prezz ta’ ħajjiet umani. Sellmet ukoll lill-Vigarjat tal-Anatolja li qed isofri “sitwazzjoni problematika”. U fl-aħħar nett l-istqarrija ssemmi lil Aleppo, “belt li ġiet imbiċċra bil-gwerra fis-Sirja u issa qed iġġarrab martirju ieħor”.

Il-membri tal-Assemblea jsellmu bi gratitudni li dawk li, “f’kundizzjonijiet ibsin, aggravati mit-temperatura tax-xitwa”, qed jgħinu fil-ħidma ta’ salvataġġ u għajnuna. Il-Caritas fil-pajjiżi Ewropej, tkompli tgħid b’mod partikulari l-istqarrija, hi “impenjata biex tindirizza l-emerġenza, tikkura l-midruba, tfarraġ lil dawk li tilfu membri tal-familja, u ssib kenn għal dawk li ma għadx għandhom”.

Il-Knejjes lokali fil-fatt diġà qed jipprovdu kull xorta ta’ għajnuna u merħba, u huma “eżempju jiddi li lejh inħarsu b’ammirazzjoni”, tagħlaq l-istqarrija, waqt li twiegħed is-simpatija, it-talb u l-għajnuna kollha possibbli min-naħa tal-Knejjes fl-Ewropa lill-popli milquta minn dan it-terremot.

Madwar 200 delegat minn 45 pajjiż differenti, magħmula minn isqfijiet, reliġjużi u lajċi, bħalissa jinsabu fil-kapitali tar-Repubblika Ċeka biex jirrappreżentaw 39 Konferenza Episkopali kif ukoll movimenti oħra Ewropej assoċjati mal-Knisja Kattolika. Malta u Għawdex huma rrappreżentati minn delegazzjoni ta’ erbgħa min-nies, immexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Fuq 390 delegat ieħor, fosthom minn Malta u Għawdex, huma kkollegati online.

Fis-sessjoni tal-bieraħ filgħodu d-delegazzjoni Maltija għamlet l-intervent tagħha li jiġbor dak li esprima ruħu fil-proċess ta’ konsultazzjoni l-poplu ta’ Alla fiż-żewġ gżejjer wara li rrifletta fuq id-Dokument tal-Fażi Kontinentali bit-tema “Wessa’ t-tinda tiegħek”. Bosta kellhom kliem ta’ tifħir għall-mod kif ġie ppreżentat l-intervent ta’ Malta u l-kontenut li offra għar-riflessjoni, qalb bosta temi rikorrenti li qed jitilgħu fil-wiċċ fil-kontributi tad-diversi pajjiżi, fosthom il-promozzjoni tas-sehem tan-nisa fil-ħajja tal-Knisja, l-inklużjoni ta’ komunitajiet li jinsabu fil-periferija bħal-LGBTQ+, kif ukoll il-valorizzazzjoni tal-Knejjes lokali u l-ħajja pastorali.

Din hi l-ewwel darba li Sinodu qed jinkludi fażi kontinentali li fiha jieħdu sehem iktar dirett l-imgħammdin mhux ordnati, qabel imbagħad f’Ottubru l-Isqfijiet jiltaqgħu Ruma għall-Assemblea Ġenerali. Fl-istess waqt ta’ din l-Assemblea Kontinentali Ewropea bħalissa għaddejja oħra f’Suva, fil-Gżejjer Fiji, għall-Oċeanja, fil-waqt li fil-ġimgħat li ġejjin sa Marzu se jinżammu wkoll dawk f’Bangkok għall-Asja, f’Bogota għall-Amerika Latina, f’Orlando għall-Istati Uniti u l-Kanada, f’Addis Ababa għall-Afrika, u f’Bejrut għal-Lvant Nofsani.

Sors: Newsbook.com.mt