Għeżież uliedna,

Elf, disgħa mija u ħamsin sena ilu, Alla, il-Missier u s-Sid tagħna, bl-id setgħana u ħanina tiegħu, għadda mit-telfien tal-għarqa għall-ħajja tax-xandir tal-kelma fi Gżiritna lill-Appostlu tal-Ġnus, Missierna San Pawl. Mimli bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u mħeġġeġ mit-tama li Alla stess nissel fih permezz ta’ Anġlu, f’nisġa sħiħa mal-Pjan Divin, ġie wassal lill-missirijietna u lilna warajhom, il-Bxara t-Tajba tas-saltna ta’ Alla, kif xtaq li tkun għall-bnedmin kollha, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, li twieled, għex, bata u miet għalina u seħibna fil-Qawmien tiegħu għall-ħajja li ma tintemmx.

L-Appostlu Missierna ħabbrilna l-ħajja l-ġdida. Missirijietna laqgħuha u b’hekk ingħaqdu fil-familja ta’ Alla fil-mixja tagħha f’din l-art. Il-mixja li bdiet dakinhar għaddiet hi wkoll mill-maltemp taż-żmien u l-ġrajja, sa ma llum qiegħed imiss lilna biex nimxuha id f’id bil-ħsieb li, aħna, werrieta tal-fidi ta’ missirijietna, ngħixu din il-fidi u ngħadduha lil uliedna. Ta’ dan inroddu ħajr lil Alla.

Għalhekk, il-Qdusija Tiegħu, l-Papa Benedittu XVI, is-Suċċessur ta’ Pietru fit-tmexxija tal-Knisja, afdata lilu minn Sidna Ġesù, bi mħabba ta’ missier, se jżur ukoll ix-xtajtiet tagħna. Bħal Pawlu ġej u se jgħix, għal żmien qasir fostna biex iwettaqna u jħeġġiġna fil-fidi li wassal il-Missier li nissilna fiha. U ta’ dan ukoll inroddu ħajr lil Alla.

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa jasal fil-Gżejjer tagħna s-Sibt, 17 ta’ April. Bħal ma Publju, il-Gvernatur tal-Gżira, laqa’ għandu lil Pawlu, hekk ukoll l-awtoritajiet ċivili jilqgħu lill-Qdusija tiegħu il-Papa fil-Palazz tal-President.

Wara, is-Suċċessur ta’ Pietru jsellem il-post minn fejn, skont it-tradizzjoni, Pawlu xandar il-Kelma lin-nies tal-Gżira. Minn hemm, fil-grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, magħna jrodd ħajr lil Alla għall-providenza tiegħu bla tarf.

Il-għada l-Ħadd, Jum il-Mulej, 18 ta’ April, il-Qdusija tiegħu il-Papa Benedittu XVI, jgħaqqadna poplu wieħed u jiġborna madwaru, kif Missierna San Pawl ġabar lill-missirijietna, biex flimkien nisimgħu lil Alla jkellimna u jaqsmilna, bħal Missierna, il-Ħobż Ewkaristiku fil-Quddiesa ċċelebrata fuq  il-Fosos  tal-Furjana.  Wara  nofsinhar tal-istess jum, il-Papa, jofroq l-ilma tal-Port il-Kbir tagħna u mill-Kalkara, jasal fix-xatt tal-Belt Valletta. Hemm jiltaqa’ maż-żgħażagħ, biex lilhom ukoll iwettaq fil-fidi,  iħeġġiġhom fit-tama u jqawwihom fl-imħabba. Min hemm il-Qdusija Tiegħu, il-Papa Benedittu XVI, jitwassal sal-ajruport biex jerġa’ lura lejn il-Vatikan.

J’Alla, matul iż-żjara tiegħu, induru miegħu bħala wliedu, nagħtuh l-istess ġieħ li missirijietna wrew ma’ Pawlu u sħabu. J’Alla ż-żjara tiegħu tħalli fina u fostna l-ġid li neħtieġu biex ngħixu skond is-sejħa li Alla qed jagħmlilna bħala Knisja ħalli llum u għada, b’ħajjitna marbuta ma’ twemminna, inkunu xhieda u dawl għal dejjem fost il-ġnus, tal-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin.

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta

+ MARIO GRECH

Isqof ta’ Għawdex

Il-kwadru titulari fil-Kolleggjata ta' San-Pawl Nawfragju, Valletta

Il-kwadru titulari fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, Valletta, xogħol tal-artist Spanjol, Matteo Perez d’Aleccio.