Illum il-Ġimgħa 5 ta’ Mejju, il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann nediet il-wirja ‘A Gift of Glory’ – tal-Arazzi tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, rigal tal-Gran Mastru Ramon Perellos. L-esebizzjoni timmarka l-qofol ta’ proġett li dam għaddej 16-il sena ta’ konservazzjoni u restawr, li assigurat li dawn l-arazzi jkunu ppreservati għall-ġenerazzjonijiet futuri. 

Is-sett ta’ arazzi kien ikkummissjonat mill-Gran Mastru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann Ramon Perellos y Roccafull, bejn l-1697 u l-1702. Is-sett jikkonsisti f’29 biċċa li juru xeni mill-ħajja ta’ Kristu, it-Trijonf tal-Knisja Kattolika Rumana, u t-tnax-il appostlu. Sa mill-2006 is-sett intbgħat il-Belġju u ġie rrestawrat fil-Laboratorji fir-Royal Manufacturers De Wit fil-Belġju fejn tlestew fl-2022. Il-maġġorparti tal-arazzi għandhom qies ta’ 6.2m wisa’ u 6.5m tul, li b’kollox jiġu li għandhom firxa ta’ 750 metru kwadru, u huma l-ikbar sett antik fid-dinja. 

Il-President tal-Fondazzjoni, Mons. Professur Emmanuel Agius, fid-diskors tal-ftuħ qal li l-proġett ta’ restawr u l-konservazzjoni, li sewa lill-Fondazzjoni €1.3 miljun, ta ħajja ġdida lit-tempju straordinarju Barokk li issa trasforma ruħu f’ċelebrazzjoni unika ta’ fidi, arti u kultura. Huwa kkummenta li issa verament nistgħu nifhmu kif kienet tidher il-knisja Konventwali tal-Kavallieri matul is-sekli sbatax u tmintax. Il-President wera l-gratitudni tiegħu lejn il-ħaddiema kollha tal-Konkatidral għall-entużjażmu tagħhom, l-impenn u d-dedikazzjoni bla waqfien tagħhom lejn il-Konkatidral ta’ San Ġwann, li matul dawn l-aħħar ġimgħat kienet xiehda ta’ sforz kollettiv fil-proċess metikoluż tat-tlugħ tal-arazzi. 

L-Arċisqof Charles J. Scicluna wera l-apprezzament tiegħu għal din l-inizjattiva u semma kif il-kooperazzjoni bejn l-istat u l-Knisja tħalli frott kbir. Ħeġġeġ lill-Fondazzjoni, biex waqt li taħdem fuq il-preservazzjoni tant meħtieġa, tiftakar li hi responsabbli wkoll minn tempju ta’ komunità ħajja li tiċċelebra b’mod ħaj l-Ewkaristija. Żied jgħid: “Hawnhekk qed niċċelebraw glorja li ngħatat fil-passat, imma mhix glorja tal-passat, hi glorja li għandha futur u hi tagħna.” 

Aktar ritratti