Stqarrijiet għall-Istampa

Stqarrija mill-Konferenza Episkopali Maltija dwar il-ħatra ta’ Prim Ministru ġdid

L‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jawguraw kull ġid u barka lill‑Prim Ministru l‑ġdid ta’ Malta, l‑Onorevoli Dr Robert Abela, filwaqt li jawguraw ukoll li l‑ħidma u l‑koperazzjoni bejn il‑Knisja u l‑Istat ikomplu fi spirtu ta’ rispett tal‑awtonomija reċiproka u fi spirtu ta’ kollaborazzjoni għall-ġid komuni.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Joseph Galea-Curmi jagħmlu appell lill‑Insara kollha f’pajjiżna biex jitolbu għal dawn l‑intenzjonijiet… Kompli aqra »

L-arti tas-smigħ fil-ħajja u l-ħidma tal-kappillan

Live-in tal-Kappillani 2020

  Is-Seminarju, Tal-Virtù

Patri Martin Micallef OFM Cap – wiehed mill-kelliema waqt il-live-in

Fit-tlett ijiem ta’ formazzjoni ta’ din is-sena, il-kappillani tas-70 parroċċa f’Malta għażlu li jitħarrġu fl-arti tas-smigħ. Dan sar waqt il-live-in annwali li ntemm il-Ħamis 9 ta’ Jannar, fis-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù. L-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi attendew għal-live-in u mexxew iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddies flimkien mal-kappillani.

Matul dawn il-ġranet, il-kappillani ħadmu fuq numru ta’ attitudnijiet u ħiliet marbuta ma’ tliet aspetti essenzjali tas-smigħ: is-smigħ ta’ Alla, is-smigħ ta’ xulxin, u s-smigħ tar-realtà ta’ madwarna… Kompli aqra »

L-aħħar tislima f’Malta lill-Kardinal Prospero Grech OSA

Stqarrija mill-Provinċja Agostinjana Maltija u mill-Arċidjoċesi ta’ Malta

Il-Provinċja Agostinjana Maltija, flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, għaddejja bit-tħejjijiet għall-aħħar tislima f’Malta lill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Prospero Grech.

Il-fdalijiet tal-Kardinal Grech jaslu Malta nhar l-Erbgħa 8 ta’ Jannar 2020. Fl-4:30 pm, il-korteo funebri jasal il-Birgu, fejn twieled u tgħammed, biex isir mument ta’ talb fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz. Fis-6pm, il-korteo jitlaq mill-Birgu lejn il-kunvent tal-Agostinjani ta’ San Mark, ir-Rabat. Dak il-ħin il-kunvent ma jkunx miftuħ għall-pubbliku… Kompli aqra »

Żewġ kandidati ġodda għas-saċerdozju

Żewġ seminaristi fil‑ħames sena ta’ preparazzjoni fis‑Seminarju tal‑Arċisqof ser jitolbu lill‑Arċisqof Charles J. Scicluna biex jaċċettahom uffiċjalment bħala kandidati għall‑Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali. Din iċ‑ċelebrazzjoni ser issir għada, il‑Ħadd 5 ta’ Jannar 2020, waqt il‑Quddiesa tal‑Epifanija fil‑Konkatridral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fid‑9:15 a.m.

Sean Abela mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, u Jean Claude Attard mill-Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn, ser jistqarru pubblikament ir‑rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill‑Knisja biex iservu bħala saċerdoti… Kompli aqra »

Quddies għall-koppji miżżewġa u għarajjes

L-Arċisqof Chares J. Scicluna qed jistieden għal ċelebrazzjoni tal‑Quddiesa lill‑koppji li żżewġu fl‑2019 u lill‑koppji għarajjes li ser jiżżewġu matul l‑2020.

Il‑Quddiesa għall‑għarajjes li ser jiżżewġu din is‑sena ser issir ghada s‑Sibt, 4 ta’ Jannar, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fil‑5:30 p.m.

Il‑Quddiesa għall-koppji li ngħaqdu fis-Sagrament taż-Żwieġ is-sena li għaddiet ser issir is‑Sibt, 11 ta’ Jannar, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fil‑5:30 p.m… Kompli aqra »

Ċelebrazzjonijiet liturġiċi mmexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Jannar 2020

L-Erbgħa l-1 ta’ Jannar 2020, fid-9:00 a.m., l-Arċisqof  Charles J. Scicluna jiċċelebra Quddiesa fis-Solennità tal-Imqaddsa Marija Omm Alla u l-Jum Dinji tal-Paċi,  fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi. Il-Quddiesa ser tixxandar live fuq TVM2 u fuq il-Youtube Channel tal-Knisja f’Malta.

Il-Ħamis 2 ta’ Jannar, fil-11:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jikkonċelebra fil-Quddiesa tal-funeral tal-Kardinal Prospero Grech, fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan.

Is-Sibt 4 ta’ Jannar, fil-5:30 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa għall-koppji li ser jiżżewġu matul l-2020, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta… Kompli aqra »

Stqarrija tal-Konferenza Episkopali Maltija dwar il-mewt tal-Kardinal Prospero Grech OSA

L-Emminenza Tieghu l-Kardinal Prospero Grech OSA

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex isellmu l-memorja tal-Kardinal Prospero Grech – reliġjuż
għaref u dħuli, b’sens kbir ta’ umoriżmu u ta’ umanità.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Joseph Galea-Curmi
jwasslu l-kondoljanzi tagħhom lill-qraba tal-Kardinal Prospero u lill-familja reliġjuża
Agostinjana kollha, filwaqt li jħeġġu lill-Insara kollha joffru talb ta’ suffraġju għal ruħu… Kompli aqra »

Ir-raba’ volum ta’ ‘Kelma ta’ Ħabib’

Id-diskorsi tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Il-ġid komuni u l-ġustizzja soċjali huma żewġ temi rikorrenti fid-diskorsi tal-Arċisqof Charles J. Scicluna li ġew ippublikati fil-ktieb ‘Kelma ta’ Ħabib’. Dan il-ktieb li jinsab fir-raba’ edizzjoni tiegħu jiġbor l-omeliji, l-artikli u l-messaġġi ta’ Mons. Scicluna fl-2018, ir-raba’ sena tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta. L-Arċisqof ippreżenta kopja ta’ dan il-ktieb lill-President George Vella u lill-awtoritajiet tal-Istat waqt l-iskambju tal-awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida.

Il-ktieb juri li fl-2018 iż-żgħażagħ kienu protagonisti ewlenin fil-Knisja… Kompli aqra »

It-twelid ta’ Ġesù: ir-risposta tal-imħabba

Il-messaġġ tal-Milied tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Fl-esperjenza tat-talb tal-Knisja f’dan iż-żmien qaddis tal-Milied, it-tema tad-dawl jiddi fid-dlam hija tema qawwija ħafna. Fil-lejl tal-Milied niftakru fil-profezija ta’ Iżaija li jgħidilna li “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir” (Iż 9:1). Is-sebħ tal-Mulej idda fuq l-umanità, fuqna – bnedmin li għandna tassew bżonn it-twelid tas-Salvatur.

Ħafna drabi f’dawn il-ġranet, fit-talb tiegħi niftakar f’talba li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’… Kompli aqra »

Skambju tal-Awguri tal-Milied fil-Kurja tal-Arċisqof

L‑Arċisqof Charles J. Scicluna u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi qed jistiednu lill-pubbliku għall-iskambju tal-awguri tal‑istaġun, nhar il‑Ħadd 22 ta’ Diċembru bejn l‑10am u nofsinhar, fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana.

Minħabba raġunijiet ta’ aċċessibilità, ser ikun miftuħ il‑bieb ta’ San Kalċedonju fi Triq Vincenzo Bugeja. Dakinhar, għall‑ħabta tal‑10:15am, l‑Arċisqof iwassal messaġġ lil dawk preżenti. Kompli aqra »