Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

800 sena ilu, fil-Milied tal-1223, San Franġisk għamel fi Greccio l-presepju ħaj. Waqt li fid-djar u f’tant postijiet oħra hemm min qed iħejji jew ilesti l-presepju, nagħmlu sew li niskopru kif beda.

Mnejn nibet il-presepju? X’kienet l-intenzjoni ta’ San Franġisk? Qal hekk: “Jiena rrid infakkar b’mod ħaj it-tfajjel li twieled f’Betlehem, u li b’xi mod nara b’għajnejja l-ħtiġijiet u n-nuqqas ta’ kumdità li sab ruħu fihom meta ġie mqiegħed fil-maxtura u kif kien mimdud fuq it-tiben bejn il-baqra u l-ħmara” (Tumas ta’ Celano, Vita prima, XXX, 84: FF 468). Franġisku ma riedx jagħmel xi opra sabiħa tal-arti, imma ried iqanqal, permezz tal-presepju, is-sens ta’ stagħġib għall-umiltà hekk kbira tal-Mulej, għall-iskumditajiet li ġarrab, għall-imħabba tagħna, fl-għar fqajjar ta’ Betlehem. Fil-fatt il-bijografu tal-Qaddis ta’ Assisi jniżżel hekk: “Hemmhekk kisbet ġieħ is-sempliċità, ġie msebbaħ il-faqar, ġiet murija l-umiltà. Greccio kienet saret qisha Betlehem ġdida” (Celano, 85: FF 469). Jiena sħaqt fuq kelma: l-istagħġib. U dan hu importanti. Jekk aħna l-Insara nħarsu lejn il-presepju bħala xi ħaġa sabiħa, bħala xi ħaġa storika, anki reliġjuża, u nitolbu, dan ma jkunx biżżejjed. Quddiem il-misteru tal-inkarnazzjoni tal-Verb, quddiem it-twelid ta’ Ġesù, hu meħtieġ dan l-atteġġjament reliġjuż tal-istagħġib. Jekk jien quddiem il-misteri ma nasalx għal dan l-istagħġib, il-fidi tiegħi hi sempliċiment superfiċjali; fidi “tal-informatika”. Tinsewhx dan.

U karatteristika tal-presepju hi li dan jitwieled bħala skola ta’ sobrjetà. U dan għandu ħafna x’jgħidilna. Fil-fatt, illum ir-riskju li nwarrbu dak li jiswa fil-ħajja huwa kbir u paradossalment qed jikber proprju f’isem il-Milied – qed tinbidel il-mentalità tal-Milied –: ninsabu mgħaddsin f’konsumiżmu li jmermer it-tifsira tiegħu. Il-konsumiżmu tal-Milied. Huwa minnu, li nagħtu r-rigali lil xulxin, din hi ħaġa tajba, huwa mod; imma dik il-ferneżija biex immorru nonfqu, dan jiġbed l-attenzjoni band’oħra u ma jkunx hemm dik is-sobrjetà tal-Milied. Ejjew inħarsu lejn il-presepju: dak l-istagħġib quddiem il-presepju. Xi drabi ma jkunx hemm spazju ġewwieni għall-istagħġib, imma biss biex norganizzaw il-festi, biex nagħmlu l-festini.

U l-presepju jitwieled biex jeħodna lura għal dak li tassew jiswa: lejn Alla li jiġi biex jgħammar fostna. Għalhekk importanti nħarsu lejn il-presepju, għax dan jgħinna nifhmu dak li jiswa u anki r-relazzjonijiet soċjali ta’ Ġesù f’dak il-mument, il-familja Ġużeppi u Marija, u l-persuni għeżież, ir-ragħajja. Il-persuni qabel l-oġġetti. U ħafna drabi aħna npoġġu l-oġġetti qabel il-persuni. Dan mhuwiex sew.

Imma l-presepju ta’ Greccio, barra dik is-sobrjetà li juri, jitkellem ukoll fuq il-ferħ, għax il-ferħ huwa ħaġa differenti mid-divertiment. Li tiddeverti mhix ħaġa ħażina jekk tagħmel dan fit-triq it-tajba; mhix ħaġa ħażina, hi ħaġa umana. Imma l-ferħ hu wisq iżjed profond, iżjed uman. U xi drabi tiġina t-tentazzjoni li niddevertu mingħajr ferħ; niddevertu billi nagħmlu l-istorbju, imma ma jkunx hemm ferħ. Hija xi ftit jew wisq il-figura tal-buffu, li jidħak, jidħak, idaħħak, imma qalbu hi mnikkta. Il-ferħ hu l-għerq ta’ divertiment tajjeb għall-Milied. U fuq il-ferħ, hekk tgħid il-kronaka ta’ dak iż-żmien: “Qorob mela l-jum tal-ferħ, iż-żmien tal-hena wasal! […] Franġisku […] imtela bil-ferħ […]. In-nies resqet u daqet il-misteru ta’ ferħ ġdid li qatt ma kienet ħasset qabel […]. Kulħadd reġa’ lura lejn daru mimli b’ferħ li ma jitfissirx” (Vita prima, XXX, 85-86: FF 469-470). Is-sobrjetà, l-istagħġib, iwasslek għall-ferħ, il-veru ferħ, mhux dak artifiċjali. 

Imma mnejn kien ġej dan il-ferħ tal-Milied? Żgur mhux għax lura d-dar ħadu r-rigali magħhom jew għax kellhom ċelebrazzjonijiet lussużi. Le, kien il-ferħ li jfawwar mill-qalb meta tmiss b’idejha l-qrubija ta’ Ġesù, il-ħlewwa ta’ Alla, li ma jħalliniex waħidna, imma jfarraġna. Qrubija, ħlewwa u ħniena, huma allura dawn it-tliet atteġġjamenti ta’ Alla. U meta nħarsu lejn il-presepju, nitolbu quddiem il-presepju, aħna nistgħu nħossu dawn l-affarijiet tal-Mulej li jgħinuna fil-ħajja ta’ kuljum.

Għeżież ħuti, il-presepju hu bħal bir ċkejken li minnu nistgħu ntellgħu l-qrubija ta’ Alla, għajn tat-tama u tal-ferħ. Il-presepju hu bħal Vanġelu ħaj, Vanġelu tad-dar. Hu bħall-bir fil-Bibbja, huwa l-post tal-laqgħa, fejn inwasslu għand Ġesù, kif għamlu r-ragħajja ta’ Betlehem u n-nies ta’ Greccio, ix-xewqat u t-tħassib tal-ħajja. Jekk quddiem il-presepju nafdaw lil Ġesù dak li għandna għal qalbna, nimtlew aħna wkoll b’“ferħ kbir tassew” (Mt 2:10), ferħ li jiġi proprju mill-kontemplazzjoni, mill-ispirtu ta’ stagħġib li bih jiena mmur nikkontempla dawn il-misteri. Ejjew nintasbu quddiem il-presepju. Kull wieħed u waħda minna ħa jħares u jħalli lil qalbu tħoss xi ħaġa. 

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard