Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Fil-mixja tal-katekeżi tagħna fuq il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni, illum nerġgħu nitilqu mill-kelmiet ta’ Ġesù li għadna kemm smajna: “Morru u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 28:19). Morru – jgħid l-Irxoxt –, mhux biex tinduttrinaw u lanqas biex tagħmlu proseliti, le, imma agħmlu dixxipli, jiġifieri agħtu lil kulħadd il-possibbiltà li jidħol f’kuntatt ma’ Ġesù, li jsir jafu u jħobbu liberament. Morru għammdu: tgħammed ifisser tgħaddas u allura, qabel ma turi azzjoni liturġika, din il-kelma tesprimi azzjoni vitali: tgħaddas ħajtek fil-Missier, fl-Iben, fl-Ispirtu s-Santu; induqu ta’ kuljum il-ferħ tal-preżenza ta’ Alla li hu qrib tagħna bħala Missier, bħala Ħuna, bħala Spirtu li jaġixxi fina, fl-istess spirtu tagħna. Ngħammdu jfisser ngħaddsu fit-Trinità.

Meta Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu – u lilna wkoll –: “Morru!”, mhux qed jgħid biss kelma. Le. Qed jikkomunika wkoll l-Ispirtu s-Santu, għax hu biss grazzi għalih, għall-Ispirtu s-Santu, li nistgħu nirċievu l-missjoni ta’ Kristu u nkomplu mmexxuha ’l quddiem (ara Ġw 20:21-22). L-Appostli, fil-fatt, jibqgħu magħluqa fiċ-Ċenaklu beżgħana sa ma jasal il-jum ta’ Għid il-Ħamsin u jinżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu (ara Atti 2:1-13). U f’dak il-mument jgħaddilhom il-biża’ kollu u bil-qawwa tiegħu dawk is-sajjieda, fil-biċċa l-kbira illitterati, jibdlu d-dinja. “Imma jekk mank jafu jitkellmu…”. Imma din hi kelma tal-Ispirtu, il-qawwa tal-Ispirtu li tmexxihom biex jibdlu d-dinja. Għalhekk, it-tħabbira tal-Vanġelu sseħħ biss bil-qawwa tal-Ispirtu, li jmur qabel il-missjunarji u jħejji l-qlub: huwa hu “l-mutur tal-evanġelizzazzjoni”. 

Dan niskopruh fl-Atti tal-Appostli, fejn f’kull paġna naraw kif il-protagonista tat-tħabbira mhuwiex Pietru, Pawlu, Stiefnu jew Filippu, imma hu l-Ispirtu s-Santu. Dejjem fl-Atti nsibu r-rakkont ta’ mument kruċjali fil-bidu tal-Knisja, li jista’ jgħid ħafna lilna wkoll. Mela, bħal-lum, flimkien ma’ konsolazzjonijiet ma kinux neqsin ukoll it-tribulazzjonijiet – mumenti sbieħ u mumenti mhux daqstant sbieħ –, mal-ferħ kien hemm ukoll it-tħassib, it-tnejn li huma. Wieħed b’mod partikulari: kif se jġibu ruħhom, ngħidu aħna, mal-pagani li qed jersqu lejn il-fidi, ma’ dawk li ma kinux parti mill-poplu Lhudi. Kienu marbuta jew le li josservaw il-preskrizzjonijiet tal-Liġi ta’ Mosè? Ma kinitx ħaġa żgħira din għal dawk in-nies. U hekk jiffurmaw żewġ gruppi, bejn dawk li kienu jżommu li ma jistgħux iwarrbu l-osservanza tal-Liġi u dawk li ma kinux jarawha hekk. Biex jiddixxernu, l-Appostli jinġabru flimkien, f’dak li jiġi msejjaħ il-“konċilju ta’ Ġerusalemm”, l-ewwel wieħed fl-istorja. Kif se jsolvu d-dilemma? Setgħu jsibu kompromess tajjeb bejn tradizzjoni u innovazzjoni: xi normi jiġu osservati, u oħrajn jitwarrbu. Imma l-Appostli ma jimxux ma’ dan l-għerf uman biex ifittxu bilanċ diplomatiku bejn waħda u l-oħra, ma jimxux hekk, imma joqogħdu għall-opra tal-Ispirtu, li kien antiċipahom, u niżel fuq il-pagani kif kien niżel fuqhom.

U hekk, waqt li neħħew kważi kull obbligu marbut mal-Liġi, wasslu dawn id-deċiżjonijiet finali li ħadu, u kitbu hekk: “mill-Ispirtu s-Santu u minna” (ara Atti 15:28) ħarġet din, l-Ispirtu s-Santu magħna, hekk dejjem jaġixxu l-Appostli. Flimkien, mingħajr ma jinqasmu, minkejja li kellhom sensibbiltajiet u fehmiet differenti, jagħtu widen għall-Ispirtu. U hu jgħallem ħaġa, valida llum ukoll: kull tradizzjoni reliġjuża tiswa jekk tħaffef il-laqgħa ma’ Ġesù, kull tradizzjoni reliġjuża tiswa jekk taġevola l-laqgħa ma’ Ġesù. Nistgħu ngħidu li d-deċiżjoni storika tal-ewwel Konċilju, li minnha qed ingawdu aħna wkoll, kienet immexxija minn prinċipju, il-prinċipju tat-tħabbira: fil-Knisja kollox jiġi kkonfermat skont l-esiġenzi tat-tħabbira tal-Vanġelu; mhux skont l-opinjonijiet tal-konservattivi jew tal-progressivi, imma skont kemm Ġesù qed jilħaq il-ħajja tan-nies. Għalhekk kull għażla, kull drawwa, kull struttura, kull tradizzjoni jridu jiġu vvalutati skont kemm jiffavorixxu jew le t-tħabbira ta’ Kristu. Meta jkun hemm bżonn ta’ deċiżjonijiet fil-Knisja, ngħidu aħna qasmiet ideoloġiċi: “Jiena konservattiv għax… jien progressiv għax…”. Imma fejn hu l-Ispirtu s-Santu? Attenti għax il-Vanġelu mhuwiex idea, il-Vanġelu mhuwiex ideoloġija: il-Vanġelu hu aħbar li tmiss il-qalb u tibdillek qalbek, imma jekk int tistkenn f’idea, f’ideoloġija kemm tal-lemin u kemm tax-xellug u kemm taċ-ċentru, int qed tagħmel mill-Vanġelu partit politiku, ideoloġija, klabb ta’ nies. Il-Vanġelu dejjem jagħtik din il-libertà tal-Ispirtu li taġixxi fik u tmexxik ’il quddiem. U kemm hemm bżonn illum li nieħdu f’idejna l-libertà tal-Vanġelu u nħallu lill-Ispirtu jmexxina ’l quddiem.

Hekk l-Ispirtu jixħet dawl fuq il-mixja tal-Knisja, dejjem. Fil-fatt hu mhuwiex biss id-dawl tal-qlub, huwa d-dawl li jorjenta lill-Knisja: jagħti ċarezza, jgħinna biex nagħżlu, jgħinna biex niddixxernu. Għalhekk jeħtieġ insejħulu ta’ spiss; ejjew dan nagħmluh illum ukoll, fil-bidu tar-Randan. Għax, bħala Knisja, jista’ jkollna żminijiet u spazji magħżula tajjeb, komunitajiet, istituti u movimenti organizzati tajjeb, imma mngħajr l-Ispirtu kollox jibqa’ bla ruħ. L-organizzazzjoni mhix biżżejjed: huwa l-Ispirtu li jagħti l-ħajja lill-Knisja. Il-Knisja, jekk ma titolbux u ma ssejjaħlux, tingħalaq fiha nfisha, f’dibattiti vojta u peżanti, f’tilwim li jegħjiha, waqt li l-fjamma tal-missjoni tispiċċa tintefa. Ikrah tara l-Knisja qisha parlament; le, il-Knisja hi ħaġ’oħra. Il-Knisja hi l-komunità ta’ bnedmin li jemmnu u jħabbru lil Ġesù Kristu imma huma mqanqla mill-Ispirtu s-Santu, mhux mir-raġunijiet tagħhom. Iva, nużaw ir-raġuni, imma jiġi l-Ispirtu jdawwalha u jmexxiha, l-Ispirtu joħroġna, imexxina biex inħabbru l-fidi, biex nitwettqu fil-fidi, imexxina biex immorru f’missjoni biex nerġgħu nsibu min aħna. Għalhekk l-Appostlu Pawlu jirrakkomanda hekk: “Ixxekklux l-Ispirtu” (1 Tess 5:19), ixxekklux l-Ispirtu. Ejjew nitolbu spiss lill-Ispirtu, ejjew insejħulu, nitolbuh ta’ kuljum ikebbes fina d-dawl tiegħu. Nagħmluh dan qabel kull laqgħa, biex insiru appostli ta’ Ġesù mal-persuni li niltaqgħu magħhom. Ma nxekklux l-Ispirtu fil-komunitajiet Insara u lanqas f’kull wieħed u waħda minna.

Għeżież ħuti, ejjew nitilqu u nerġgħu nitilqu, bħala Knisja, mill-Ispirtu s-Santu. “Bla dubju ta’ xejn hu importanti li fil-programmazzjonijiet pastorali tagħna nitilqu mill-istħarriġ soċjoloġiku, mill-analiżi, mil-lista tad-diffikultajiet, mill-elenku tax-xewqat u tat-tgergir. Madankollu hu iżjed importanti nitilqu mill-esperjenzi tal-Ispirtu: dan hu t-tluq veru. U allura rridu nfittxuhom, nelenkawhom, nistudjawhom, ninterpretawhom. Dan hu prinċipju fundamentali li, fil-ħajja spiritwali, hu msejjaħ primat tal-konsolazzjoni fuq id-deżolazzjoni. L-ewwel hemm l-Ispirtu li jfarraġ, jerġa’ jagħti l-ħajja, idawwal, iqanqal; imbagħad tiġi wkoll id-deżolazzjoni, it-tbatija, id-dlam, imma l-prinċipju biex nirregolaw ruħna fid-dlam hu d-dawl tal-Ispirtu” (C.M. Martini, Nevanġelizzaw fil-konsolazzjoni tal-Ispirtu, 25 ta’ Settembru 1997). Dan hu l-prinċipju biex nirregolaw ruħna fil-ħwejjeġ li ma nifhmux, fil-konfużjoni, anki qalb tant dlam, importanti. Nippruvaw nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex ninfetħu għal dan id-dawl, jekk aħniex nagħtuh spazju: jiena nsejjaħlu lill-Ispirtu? Kull wieħed u waħda minna jwieġeb f’qalbu. Kemm minna nitolbuh lill-Ispirtu? “Le, Dun, jiena nitlob lill-Madonna, nitlob lill-qaddisin, nitlob lil Ġesù, u xi drabi, nitlob il-Missierna, nitlob lill-Missier” – “U l-Ispirtu? Ma titolbux lill-Ispirtu, li hu dak li jqanqal il-qalb tiegħek, li jmexxik ’il quddiem, li jwasslek għall-konsolazzjoni, li jġagħlek trid tevanġelizza u tagħmel missjoni?”. Inħallikom b’din il-mistoqsija: Jiena nitolbu lill-Ispirtu s-Santu? Inħallih jorjentani, hu li jistedinni biex ma ningħalaqx fija nnifsi imma nwassal lil Ġesù, nagħti xhieda tal-primat tal-konsolazzjoni ta’ Alla fuq id-deżolazzjoni tad-dinja? Il-Madonna li fehmet dan il-ġid tgħinna nifhmu dan.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard