• Nhar is-Sibt, 11 ta’ Ġunju 2016, il-Papa Franġisku laqa’ f’udjenza dawk li kienu qed jieħdu sehem fil-Kungress “U Int tiekol l-ikel fuq il-mejda tiegħi dejjem” (2 Samwel 9: 1-13) organizzat mit-taqsima tal-Katekeżi tal-Persuni b’Diżabilità, fi ħdan l-Uffiċċju Kateketiku Nazzjonali Taljan, fl-okkażjoni tal-25 Anniversarju tal-Istituzzjoni.
    F’ħin minnhom, il-Papa warrab id-diskors imħejji li kellu u wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu minn zewġt ibniet u saċerdot fuq kif għandhom jiġi ndirizzati mingħajr biża’ d-differenzi u kif għandha tiġi evitata l-eskluzzjoni anke f’komunitajiet Insara.

    Messaġġ tal-Papa Franġisku

    L-ewwel mistoqsija kienet tajba ħafna u rreferiet għad-differenzi. Aħna lkoll differenti: mhemmx wieħed li huwa l-istess bħal xi ħaddieħor. Hemm xi differenzi li huma akbar u oħrajn li huma inqas, imma aħna lkoll differenti. U inti, t-tifla li saqsiet id-domanda, għidt: “Bosta drabi aħna nibżgħu mid-differenżi.” Jagħmluna nibżgħu. Għaliex? Għax biex tiltaqa’ ma’ persuna li għandha differenzi, ejjew ngħidu mhux qawwijin imma kbar, huwa sfida, u kull sfida lilna tbeżżgħana. Huwa aktar komdu li ma tagħmel xejn; huwa aktar komdu li tinjora d-differenzi u tgħid: “Aħna lkoll l-istess, u jekk hemm xi ħadd li mhuwiex daqstant ‘l-istess’, ejjew inwarrbuh u nevitaw li niltaqgħu miegħu.” Hija l-biza’ li kull sfida tikkawżalna; kull sfida hija mimlija biza’, tbeżżagħna, tirrendina xi ftit jew wisq timidi. Imma le! Id-differenzi huma fil-fatt rikkezzi, għax jien għandi xi ħaġa, inti għandek xi  ħaġ’oħra, u b’dawn iż-żewġ affarijiet nistgħu noħolqu xi ħaġa akbar u aktar sabieħa. U hekk inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem. Ejjew naħsbu f’dinja fejn kulħadd huwa l-istess: tkun dinja monotona! Huwa veru li xi differenzi jweġġgħu. Dan kollha nafuh, dawn li għandhom xi għeruq fil-mard, imma anke dawk id-differenzi jgħinuna; jisfidawna u jistagħnuna. Għalhekk, qatt m’għandna nibżgħu mid-differenzi: huwa tabilħaqq il-mod kif ittejjeb lilek innifsek, li ssir aħjar milli int.
    Kif jista’ jsir dan? Billi niġbru flimkien dak li għandna. Nagħmlu kollox ħaġa waħda. Dan huwa ġest sabiħ li aħna, persuni umani, għandna; ġest li nagħmlu tista’ tgħid mingħajr ma naħsbu, imma huwa ġest profond ħafna; li nieħdu b’idejn xulxin, jien nagħtik dak li hu tiegħi u inti tagħtini dak li hu tiegħek. Din hi xi ħaġa li tagħmel ġid lil kulħadd. Nimxu ‘l quddiem bid-differenzi,  għax id-differenzi huma sfida, imma jsaħħuna. Ejjew naħsbu li kull darba li nieħu b’idejn ħaddieħor, jiena nagħti xi ħaġa li hi tiegħi u nirċievi xi ħaġa mingħand ħaddieħor. Din ikollna tagħmilna nikbru. Dan li jiġini f’moħħi bi tweġiba għall-ewwel mistoqsija.
    Serena tkellmet dwar waħda mill-agħar ħaġa li teżisti fostna: id-diskriminazzjoni. Hija ħaġa ħażina ħafna! “Inti mintix bħali, inti mur hemm u jien immur hawn.” “Imma nixtieq nagħmel katekeżi, imma mhux f’din il-parroċċa. Din il-parroċċa hija għal dawk li huma l-istess, m’hemmx differenza” Allura din il-parroċċa tajba jew le? X’għandu jagħmel il-kappillan? Jikkonverti ruħu? Huwa minnu li jekk trid tirċievi s-Sagrament tat-Tqarbin, irid ikollok preparazzjoni. Jekk ma tifhimx din il-lingwa, per eżempju tkun nieqes mis-smiegħ, għandu jkollok il-possibiltà  li f’dik il-parroċċa tipprepara ruħek bil-lingwa tas-sinjali. Taraw, dan hu importanti! Jekk inti differenti, ikollok ukoll il-possibilità li tkun l-aħjar; dan hu veru. Id-differenza ma tgħidx li xi ħadd li għandu ħames sensi li jaħdmu tajjeb huwa aħjar minn xi ħaddieħor li, per eżempju huwa trux u ma jistax jitkellem. Le, dan mhux veru! Aħna lkoll għandna l-istess possibiltà li nikbru, li nimxu ‘l quddiem, li nħobbu l-Mulej, li nagħmlu ħwejjeġ tajba, li nifhmu d-Duttrina Nisranija, u aħna lkoll għandna l-istess possibiltà li nirċievu s-Sagramenti.
    Meta bosta snin ilu, xi mitt sena ilu jew aktar, il-Papa Piju X  qal li t-tfal jistgħu jibdew jitqarbnu, ħafna skandaliżżaw ruħhom, “it-tfal ma jifhmux, huma differenti, ma jifhmux sew”. “Ħallu t-tfal jitqarbnu”, qal il-Papa u mid-differenza għamel ugwaljanza, għax kien jaf li t-tfal jifhmu mod ieħor. Fl-iskola wkoll, fil-lokalità, kull persuna għandha r-rikkezzi tagħha, hija differenti, qisha qed titkellem b’ilsien differenti. Kull persuna hija differenti għax tesprimi ruħha b’mod differenti, u din hija rikkezza. Dak li qalet Serena jiġri bosta drabi; tiġri tant u hija waħda mill-agħar affarijiet, waħda mill-agħar affarijiet fl-ibliet tagħna, f’ħajjitna: diskriminazzjoni, anke bi kliem offensiv. Ħadd ma jkun iddiskriminat. Kull wieħed minna għandu l-mod tiegħu biex isir jaf affarijiiet li huma differenti: wieħed magħruf mod, ieħor b’mod ieħor, imma kollha jistgħu isiru jafu lil Alla
    Fil-parroċċa, fil-Quddiesa, fis-Sagramenti kulħadd huwa ndaqs, għax kulħadd għandu l-istess Mulej: Ġesù u l-istess Omm: il-Madonna. Qed niftehmu? Il-qassis li tkellem l-ewwel staqsa ftit domandi li huma marbuta ma’ dak li qalet Serena:
    Kif nilqgħu lil kulħadd.
    Ikkunsidra qassis li ma jilqax lil kulħadd: x’parir jagħti l-Papa f’dak il-każ? “għalaq il-bieb tal-knisja, jekk jogħġbok!” jew tilqa’ lil kulħadd jew lil ħadd. “Hemm dak il-qassis li jiddefendi lilu nnifsu li jgħidlek, “nifhem lil kulħadd imma ma nistax nilqa’ lil kulħadd għax mhux kulħadd kapaċi jifhem”. Dak li l-qassis irid jagħmel, bl-għajnuna tal-lajċi, tal-katekisti u ħafna nies hu li jgħin lil kulħadd biex ikunu jistgħu jifhmu: jifhmu l-fidi, jifhmu l-imħabba, jifhmu kif jistgħu isiru ħbieb, jifhmu d-differenzi, jifhmu kif l-affarijiet huma kumplimentari ma’ xulxin – wieħed jista’ jagħti xi ħaġa, u ieħor jista’ jagħti xi ħaġ’oħra. Dan li jfisser li tgħin biex jifhmu.
    Intqalu żewġ kelmiet sbieħ: tilqa’ u tisma’. Tilqa’, jiġifieri tilqa’ lil kulħadd u li tisma’ lil kulħadd. Ngħidilkom din. Naħseb li llum ħafna affarijiet tajba jsiru bħala parti mill-kura pastorali tal-Knisja, isiru ħafna ħwejjeġ tajba: fil-katekeżi, fil-liturġija, fil-karità, mal-morda. Jeħtieġ li jsir aktar, anke mill-qassisin, anke mill-lajċi – imma l-qassis speċjalment irid jagħmlu iżjed: l-appostolat tal-widna: li tisma’. “Father, xi dwejjaq toqgħod tisma’, għax huma dejjem l-istess stejjer, l-istess affarijiet”. Il-Mulej huwa fil-qalb ta’ kull wieħed mill-persuni, u jrid ikollok il-paċenzja li tisma’. Ilqgħu u isimgħu lil kulħadd.
    Nirringrazzjakom ħafna għal dan id-djalogu u iż-żjara għal din is-sbuħija tad-differenzi li jagħmlu komunità: wieħed minn ieħor u bil-maqlub, u kollha jagħmlu l-unità tal-Knisja. Grazzi ħafna u itolbu għalija.