Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (Ġw 15, 9-17), wara li kien qabbel lilu nnifsu mad-dielja u lilna mal-friegħi, Ġesù spjega liema frott jinkiseb minn min jibqa’ marbut miegħu: dal-frott huwa l-imħabba.  Jerġa jdur għall-istess verb-muftiħ: “ibqgħu”.  Jistedinna nibqgħu f’imħabbtu ħalli l-ferħ tiegħu ikun fina u l-ferħ tagħna jkun sħiħ (vv. 9-11).  Nibqgħu fl-imħabba ta’ Ġesù.

Nistaqsu lilna nfusna: liema hi din l-imħabba li Ġesù jridna nibqgħu fiha biex ikollna l-ferħ tiegħu?   Liema hi din l-imħabba?  Hi l-imħabba li ġejja mill-Missier, għax “Alla huwa mħabba” (1 Ġw 4,8).  Din l-imħabba t’Alla, tal-Missier, tfawwar bħal xmara f’Ibnu Ġesù u permezz tiegħu tasal għandna, ħolqien tiegħu.  Infatti Hu jgħid: “Kif ħabbni Missieri hekk jien ħabbejt lilkom” (Ġw 15, 9).  L-imħabba li jtina Ġesù hi l-istess waħda li biha l-Missier iħobb lilu: imħabba safja, bla kundizzjonijiet, imħabba gratwita.  Ma nistgħux nixtruha, imħabba bla ħlas.  Meta Ġesù jtihielna ikun qed iqisna ħbieb – b’din l-imħabba -, biex jgħarrafna lill-Missier, u jinvolvina fl-istess missjoni tiegħu għall-ħajja tad-dinja.

Imbagħad nistgħu nistaqsu: kif nistgħu nagħmlu biex nibqgħu f’din l-imaħbba?  Ġesù jgħid: “Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi tibqgħu fi mħabbti” (v.10).  Il-kmandmenti tiegħu Ġesù ġabarhom f’wieħed li huwa dan: “Li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien” (v.12).  Biex tħobb bħalma ħabb Ġesù trid tkun qaddej, qaddej ta’ ħutek l-istess kif għamel Hu meta ħasel riġlejn id-dixxipli.  Ifisser ukoll li toħroġ minnek innifsek, titbiegħed miċ-ċertezzi umani tiegħek, mill-kumditajiet tad-dinja, biex tkun miftuh għall-oħrajn, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.  Ifisser li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-oħrajn dak li int u dak li għandek.  Din hi l-imħabba tal-fatti mhux tal-paroli.

Tħobb bħal Ġesù jfisser li tgħid le għal “imħabbiet” oħra li tipproponilek id-dinja: imħabba għall-flus – min iħobb il-flus ma jħobbx kif iħobb Ġesù – imħabba għas-suċċess, għall-vanità, għas-setgħa….. Dawn it-toroq qarrieqa ta’ “mħabba” ibegħduna mill-imħabba tal-Mulej u jagħmluna dejjem aktar egoisti, narċisisti, prepotenti.  U l-prepotenza tressqek lejn imħabba deġenerata, biex tabbuża minn ħaddieħor, biex lill-persuna li tħobb iġġagħalha ssofri.  Qed niftakar f’dik l-imħabba marida li tinbidel fi vjolenza – u kemm nisa llum huma vittmi tal-vjolenza. Din mhix imħabba.  Li tħobb  bhalma jħobbna l-Mulej ifisser li tapprezza l-persuna li qiegħda maġenbek, tirrispetta l-libertà tagħha, tħobbha kif inhi, mhux kif jidhirlek li tridha int; kif inhi, bil-gratwità.  Wara kollox Ġesùjitlobna biex nibqgħu fi mħabbtu, ngħammru fi mħabbtu, mhux fl-ideat tagħna, mhux fil-kult tagħna nfusna.  Min jgħammar fil-kult tiegħu nnifsu, qed jgħix quddiem il-mera: dejjem iħares fih innifsu.  Jitlobna nwarrbu minna l-idea li nistgħu nikkontrollaw u mmexxu lill-oħrajn.  Mhux nikkontrollawhom, inservuhom. Niftħu qlubna għall-oħrajn, din hi l-imħabba, u ningħataw għall-oħrajn.

Għeżież ħuti, fejn nistgħu naslu dment li nibqgħu fl-imħabba tal-Mulej?  Fejn teħodna?  Qalulna Ġesù: “Biex il-ferħ tiegħi ikun fikom u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (v. 11).  Hu jrid li l-ferħ li għandu l-Mulej, għax Hu marbut sfiq f’komunjoni mal-Missier ikun fina wkoll għax magħqdin miegħu.  Il-ferħ li nafu li Alla jħobbna minkejja l-infedeltajiet tagħna, jgħinna niffaċċjaw il-provi tal-ħajja, jgħinna ngħaddu mill-kriżijiet biex minnhom noħorġu aħjar.  Aħna nkunu veru xhieda dment li ngħixu din l-imħabba, għax il-ferħ hu s-sinjal karatteristiku tan-nisrani.  In-nisrani tassew mhux dejjem bil-geddum, dejjem għandu fih dak il-ferħ imqar fil-waqtiet l-aktar koroħ.

Il-Verġni Marija tgħinna nibqgħu fl-imħabba ta’ Ġesù u (tgħinna) nkattru mħabbitna lejn kulħadd ħalli nkunu xhieda tal-Mulej Irxoxt.

Wara r-Regina Caeli

Għeżież ħuti!

Qed insegwi bi tħassib kbir dak li qed jiġri f’Ġerusalemm.  Nitlob biex tkun imkien ta’ laqgħa u mhux ta’ taqbid vjolenti, post ta’ talb u paċi.  Nistieden lil kulħadd biex ifittex soluzzjonijiet maqbula sabiex b’rispett lejn l-identità multi-reliġjuża u multi-kulturali tal-Belt Imqaddsa, issaltan il-fratellanza.

U nitolbu wkoll għall-vittmi tal-attentat terroristiku li seħħ ilbieraħ f’Kabul: att diżuman li laqat tant tfajliet huma u ħerġin mill-iskola.  Nitolbu għal kull waħda minnhom u għall-familji tagħhom. U jalla l-Mulej jagħti l-paċi lill-Afghanistan.

Minabarra dan, nixtieq nesprimi t-tħassib tiegħi minħabba t-tensjoni u l-ġlied vjolenti li hemm fil-Kolombja, li ħalla għadd ta’ mejtin u feruti.  Hawn bosta kolombjani hawnhekk, nitlobu għall-patrija tagħhom.

Illum f’Agrigento ġie beatifikat Rosario Angelo Livatino, martri tal-ġustizzja u tal-fidi.  Fis-servizz tiegħu lejn il-komunità, bħala maġistrat ta’ onestà assoluta, li qatt ma ħalla lil min jikkorrompih, għamel ħiltu ħalli ma jiġġudikax biex jikkundanna imma biex jifdi.  Ix-xogħol tiegħu dejjem qiegħdu “taħt il-ħarsien ta’ Alla”; u għalhekk hu sar xhud tal-Evanġelju sal-mewt erojka tiegħu.  Jalla l-eżempju tiegħu, speċjalment għall-maġistrati, ikun xprun biex qatt ma jehdew jiddefendu l-legalità u l-libertà.  Applaws lill-Beatu l-ġdid!

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini.  Grazzi tal-preżenza tagħkom!  Insellem b’mod partikolari lill-persuni li jbatu bil-fibromalġija: nesprimi l-qrubija tiegħi lejhom u nawgura li tikber l-attenzjoni li tingħata lil dil-marda li kultant hi xi ftit minsija.

U ma nistax ninsa lill-ommijiet!  F’dal-Ħadd, f’ħafna pajjiżi qed jitfakkar Jum l-Omm.  Insellmu lill-ommijiet kollha td-dinja, anki lil dawk li m’għadhomx magħna.  Applaws lill-ommijiet!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos