Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum l-Evanġelju jippreżentalna l-laqgħa ta’ Ġesù mal-ewwel dixxipli (cfr Ġw 1,35-42) Dix-xena tistedinna nġarrbu l-memorja tal-ewwel laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Ilkoll kemm aħna ltqajna ma’ Ġesù għall-ewwel darba; meta konna tfal, adoloxxenti, żgħażagħ, adulti… Meta ltqajt ma’ Ġesù għall-ewwel darba? Nistgħu nerġgħu nġarrbu dak il-waqt. U wara dal-ħsieb, dit-tifkira, inġeddu l-ferħ li nimxu warajh u nistaqsu lilna nfusna: xi jfisser tkun dixxiplu ta’ Ġesù? Mill-Evanġelju tal-lum nistgħu nisiltu tlett kelmiet: infittxu lil Ġesù, ngħammru miegħu, inħabbru lil Ġesù.
Qabel xejn infittxu. Bis-saħħa tax-xhieda tal-Battista, żewġ dixxipli marru wara Ġesù, u HU, meta rahom mexjin warajh qalilhom: “X’qed tfittxu?“ (v. 38). Dan kien l-ewwel kliem li qalilhom Ġesù: qabel kollox jistedinhom biex jeżaminaw lilhom infushom u jaraw liema xewqat qed iġorru fi qlubhom. “X’qed tfittxu?“. Il-Mulej ma jridx jagħmel prożeliti, ma jridx “followers” superfiċjali, il-Mulej irid persuni li jeżaminaw lilhom infushom u jħallu Kelmtu tisfidahom. Għalhekk, biex inkunu dixxipli ta‘ Ġesù, l-ewwel u qabel kollox jeħtieġ li nfittxuh, ikollna qalbna miftuħa, tfittex, mhux qalb sodisfatta, mimlija biha nfisha.
X’kienu qed ifittxu dawk l-ewwel dixxipli? Naraw dan permezz tat-tieni verb: għammar. Huma ma kienux qed ifittxu aħbarijiet jew informazzjoni dwar Alla, inkella xi sinjal jew mirakli, imma xewqithom kienet li jiltaqgħu mal-Messija, jitkellmu miegħu, jibqgħu miegħu, jisimgħuh. Liema kienet l-ewwel mistoqsija tagħhom? “Fejn toqgħod?” (v. 38). U Kristu jistedinhom jibqgħu miegħu: “Ejjew u taraw” (v. 39). Inkunu miegħu, nibqgħu miegħu, din hi l-aktar ħaġa importanti għad-dixxiplu tal-Mulej. Insomma, il-fidi mhix teorija, le, hija laqgħa -, hi li mmorru naraw fejn joqgħod il-Mulej u ngħammru miegħu. Niltaqgħu mal-Mulej u ngħammru miegħu.
Infittxu, ngħammru, u fl-aħħar, inħabbru. Id-dixxipli kienu qed ifittxu lil Ġesù, imbagħad marru miegħu u baqgħu miegħu sa filgħaxija. U issa nħabbru. Jerġgħu lura u jħabbru. Infittxu, ngħammru, inħabbru. Jien infittxu lil Ġesù? Ngħammar miegħu? Għandi kuraġġ inħabbar lil Ġesù? Dik l-ewwel laqgħa ma’ Ġesù tant kienet qawwija li d-dixxipli baqgħu jiftakru dejjem il-ħin: “kienu l-erbgħa ta’ waranofsinhar” (v. 39). Dan jurina l-qawwa ta’ dik il-laqgħa. U qlubhom tant kienu mfawrin bil-ferħ li ħassew il-bżonn li minnufih jaqsmu ma’ ħaddieħor id-don li rċevew. Infatti, wieħed mit-tnejn, Indrì, mar iħaffef biex jaqsam dan id-don ma’ ħuh. Ħuti, illum aħna wkoll għandna nġarrbu l-ewwel laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Kollha kemm aħna kellna l-ewwel laqgħa, kemm fil-familja u wkoll ‘il barra minnha… Meta ltqajt ma’ Ġesù, jiena? Meta missli qalbi l-Mulej? U nistaqsu: aħna għadna dixxipli innamrati mal-Mulej, infittxu lill-Mulej, jew mistriħin b’fidi msejsa fuq id-drawwiet? Nagħmmru miegħu fit-talb, nafu noqgħodu fis-skiet miegħu? Jien naf ngħammar mal-Mulej bit-talb, nibqa’ miegħu fis-skiet? Imbagħad, inħossuha x-xewqa li naqsmu, inħabbru dan il-ġmiel tal-laqgħa tagħna mal-Mulej?
Marija Santissma, l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù, ttina d-don tax-xewqa li nfittxuh, inkunu miegħu u nħabbruh.
Wara l-Angelus
Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja. Insellem b’mod partikolari lil-membri tal-Hermandad Sacramental de Nuestra Señora de los Remedios, minn Villarrasa (Spanja).
Ma ninsewx nitolbu għall-vittmi tat-traġedja li seħħet fil-Kolombja, li ħalliet bosta vittmi.
U ma ninsewx lil dawk li qed isofru minħabba l-ħruxija tal-gwerra f’tant inħawi tad-dinja, speċjalment fl-Ukrajna, fil-Palestina u f’Iżrael. Fil-bidu tas-sena awgurajna l-paċi lil xulxin, imma l-armi baqgħu joqtlu u jiddistruġġu. Nitolbu sabiex min għandu s-setgħa fuq dawn il-kinflitti jirrifletti fuq il-fatt li l-gwerra mhix it-triq biex jissolvew, għax tiżra’ l-mewt fost in-nies ċivili u teqred bliet u infrastrutturi. Fi kliem ieħor, illum, minnha nfisha l-gwerra hi krimini kontra l-umanità. Ma ninsehx dan: il-gwerra fiha nfisha hi delitt kontra l-umanità. Il-popli għandhom bżonn i-paċi! Id-dinja teħtieġ il-paċi! Ftit minuti ilu fil-programm “A Sua Immagine” smajt jitkellem lill-Patri Faltas, il-Vigarju tal-Kustodja tal-Art Imqaddsa f’Ġerusalemm: kien qed jgħid li hemm bżonn nedukaw għall-paċi. Għandna nedukaw għall-paċi. Jidher li għadna m’aħniex – l-umanità kollha kemm hi – qed nedukaw b’mod li jwaqqaf kull gwerra. Nitolbu dejjem dil-grazzja: nedukaw għall-paċi.
Nawgura lilkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org