L‑Arċisqof Charles Scicluna se jordna erba’ djakni ġodda nhar is‑Sibt li ġej, 13 ta’ April 2024. L-erba’ djakni huma s‑seminarist Matthew Sammut mill-Parroċċa ta’ Kristu Rxoxt f’Pembroke; Johan Bugeja, Salesjan ta’ Don Bosco; u żewġ studenti tal-Institute for World Evangelisation – ICPE Mission: Tian Ci Shawn Dominic Wong minn Singapore u Jerome Savioraj Barnabas mill-Indja.

Il‑quddiesa se ssir fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta, fid‑9:30am. Din se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Permezz ta’ din l‑ordinazzjoni, id‑djakni l‑ġodda jsiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id‑djaknu jiddedika ħajtu għall‑qadi bl‑imħabba fis‑servizz tiegħu lejn il‑poplu, jassisti lill‑isqof u lis‑saċerdoti fiċ‑ċelebrazzjoni tal‑misteri qaddisa, l‑aktar tal‑Ewkaristija, jamministra s‑sagrament tal‑magħmudija, jassisti għaż‑żwieġ u jbierku, ixandar l‑Evanġelju u jipprietkah, u jmexxi t‑talb tal‑funerali.