Il-Papa Franġisku waqt l-Anġelus (Vatican Media)
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mt 13,44-52) huwa l-aħħar vrus tal-kapitlu li Mattew jiddedika għall-parabboli dwar is-Saltna tas-Smewwiet. Is-silta fiha tliet parabboli xotti u qosra ħafna: dik tat-teżor moħbi, dik tal-ġawhra prezzjuża u dik tax-xibka li tintefa’ fil-baħar.
Se nieqaf fuq l-ewwel tnejn li fihom is-Saltna tas-Smewwiet hija mqabbla ma’ żewġ realtajiet “prezzjużi”, jiġifieri t-teżor moħbi fl-għalqa u l-ġawhra li tiswa ħafna. Ir-reazzjoni ta’ dak li jsib il-ġawhra jew it-teżor hi prattikament l-istess: ir-raġel u n-negozjant ibiegħu kollox biex jiksbu dak li issa għandhom l-aktar għal qalbhom. B’dawn iż-żewġ tixbihat, Ġesù għandu l-għan li jinvolvi lilna fil-bini tas-Saltna tas-Smewwiet billi jippreżentalna karatteristika essenzjali tal-ħajja nisranija, tal-ħajja tas-Saltna tas-Smewwiet: jintrabtu bis-sħiħ mas-Saltna tas-Sema dawk li lesti jinqatgħu minn kollox, li huma kuraġġużi. Infatti, kemm ir-raġel kif ukoll in-negozjant taż-żewġ parabboli ibiegħu kull ma għandhom u jinsew għal kollox is-sigurtajiet materjali tagħhom. Minn hawn nifhmu li l-bini tas-Saltna tas-Smewwiet ma jitlobx biss il-grazzja t’Alla iżda wkoll id-disponibbiltà attiva tal-bniedem. Kollox hu grazzja, kollox! Min-naħa tagħna titlob biss id-disponibbiltà li nirċevuha, mhux li nirreżistu l-grazzja: il-grazzja kollox tagħmel imma hemm bżonn tar-responsabbiltà “tiegħi” u tad-disponibbiltà “tiegħi”… Kompli aqra »