Inġabret is-somma ta’ ‘il fuq minn €1.4 miljun b’risq id-Dar tal-Providenza f’Festa ta’ Ġenerożità tal-Ewwel tas-sena. Fi tmien il-maratona televiżiva, Dun Martin Micallef, direttur tad-Dar tal-Providenza rringrazzja lill-poplu Malti kollu li għal darb’oħra wera li għandu għal qalbu l-ħidma tad-Dar u kompla juri l-valuri sbieħ li jiddistingwuh, fosthom dawk ta’ ġenerożità, soliderjetà u ugwaljanza.

“Jalla din il-festa ta’ ġenerozità fil-bidu tas-sena, tawgura sena ta’ rispett lejn kull persuna, hi min hi bla distinzjoni, u impenn biex inkunu ta’ appoġġ għal kull min jeħtieġu,” temm jgħid Fr Micallef.

Wara waqfa ta’ sentejn, reġa’ sar l-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti. Dan sar kollu kemm hu online u d-dħul mill-bejgħ ta’ ix-xogħlijiet laħaq is-somma ta’ €28,605.

Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex organizzaw ġabriet speċjali li mbagħad ingħataw lid-Dar f’isem il-komunità parrokkjali, uħud minnhom permezz ta’ Skype.

Minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija Covid-19 li ninsabu fiha, ma sar xejn fil-parkeġġ li hemm fis-Siġġiewi ħlief drive-thru fejn dak li jkun seta’ jwassal id-donazzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn joħroġ mill-karozza. Il-ġbir tal-flus għad-Dar, inklużi l-appelli u telefonati, sar fl-istudios ta’ WE Media f’Ħal Qormi bejn nofsinhar u nofsillejl. 

Għall-maratona attendew il-President ta’ Malta, George Vella u s-Sinjura Vella, l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u s-Sinjura Grech u l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma permezz ta’ Skype. Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin, personalitajiet distinti u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ammont ta’ ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.

L-ewwel żjara saret filgħodu mill-Arċisqof Charles Scicluna, li ċċelebra wkoll quddiesa fil-jum tal-ewwel tas-sena dedikat lill-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Alla u Jum il-Paċi fil-kappella tad-Dar tal-Providenza. L-Arċisqof kien assistit mill-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Mons. Charles Cordina, id-Direttur tad-Dar Dun Martin Micallef, id-Direttur Spiritwali Dun Trevor Fairclough u l-Arċipriet tas-Siġġiewi Dun Josef Mifsud.

Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof qal li fil-bidu ta’ sena ġdida, xtaq jawgura lil kulħadd ix-xewqat sbieħ li jinsabu fil-kliem sabiħ tal-Mulej lil Mosè. “Iħares lejk il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem”. Żied li l-ħarsa tal-Mulej fuqna hi ħarsa ta’ mħabba għax l-imħabba u l-ħniena jimxu flimkien.

Hu awgura li l-għażliet li nagħmlu din is-sena jkunu għażliet tajba li jwasslu għal rikreazzjoni li ġġib il-paċi tal-qalb vera u mhux taljena għal ftit żmien. Żied jgħid li jekk l-għażliet tagħna jġibu l-ħsara, humiex droga f’kull għamla jew xorb żejjed, ma jistgħux ikunu rikreazzjoni.

Id-donazzjonijiet għadhom jistgħu jsiru billi ċċempel jew tibgħat SMS fuq:

€10 5160 2012
€15 5170 2013
€25 5180 2014
€50 5190 2085
€100 5130 2022
SMS €7 50618922
BOV Mobile 79324834

Jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ Paypal u dirett fil-kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-banek ewlenin, APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.

Wieħed jista’ wkoll jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siġġiewi SGW2822, iżda b’direttiva tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ma jistgħux jinħarġu ċekkijiet ta’ €20 jew inqas għax ma jissarfux mill-banek.

Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl-uffiċċju tad-Dar tal-Providenza, fi Triq San Pawl il-Belt wara s-Suq, filgħodu bejn id-9:00am u 12:00pm, mill-Paola Catholic Bookshop, Raħal Ġdid, kif ukoll mill-Pjazza tar-Rabat Malta mill-ġimgħa d-dieħla.

Sors: Newsbook.com.mt